Jien raġel ixxurtjat. L-Olimpjadi f’Pariġi kienu d-disa’ edizzjoni ta’ dan l-avveniment li attendejt. L-ewwel darba kienet f’Barċellona, fl-1992. Ipparteċipajt bħala atleta u tlajt fuq il-podju f’erbgħa edizzjonijiet tal-Logħob. Il-ħames edizzjonijiet l-oħra esperjenzajthom minn kull perspettiva possibbli: bħala spettatur, bħala membru tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Irfigħ tal-Piżijiet u bħala kowċ għat-tim nazzjonali tal-Istati Uniti tal-Amerka. Matul dawn l-għexieren ta’ snin ta’ ċaqliq fl-isferi Olimpiċi, rajt ħafna bidliet. Apparti l-bliet ospitanti, inbidlu ħafna karatteristiċi fl-Olimpjadi. L-iżviluppi fil-kopertura tat-televiżjoni ppermettew lill-ispettaturi jkunu eqreb tal-atleti, u saħansitra jistgħu jaraw l-emozzjonijiet fuq wiċċhom. L-introduzzjoni ta’ prattiki sportivi ġodda fil-programm Olimpiku ġibdet udjenzi żgħażagħ u familjarizzatna ma’ dixxiplini li qatt ma konna smajna dwarhom. Fl-istess ħin, il-kunċett tas-sigurtà jfakkarna lkoll li qed ngħixu f’dinja imprevedibbli, fi żminijiet ta’ taqlib.

Għalhekk, kollox qed jinbidel fil-Logħob Olimpiku. Kollox ħlief il-prinċipji tal-Olimpiżmu u l-ħolm tal-atleti li qed jieħdu sehem. Fid-dinja tal-lum, l-ideali Olimpiċi huma aktar rilevanti minn qatt qabel. Barra minn hekk, l-Olimpiżmu ta’ spiss ikun qabel iż-żmien tiegħu. Kunċetti bħall-inklużjoni, l-aċċettazzjoni tad-diversità u l-koeżistenza armonjuża ilhom jikkostitwixxu l-ispirtu Olimpiku għal għexieren ta’ snin, ħafna qabel ma ġew diskussi mis-soċjetajiet. Madankollu, bħala sportiv, bħala Olimpjan li jaf kemm huwa diffiċli li tipparteċipa fi sport kompetittiv f’livell daqshekk għoli, jeħtieġ li niffoka primarjament fuq l-atleti. Għal ħafna minn dawn iż-żgħażagħ, il-Logħob Olimpiku jirrappreżenta l-għan tal-eżistenza tagħhom – xi ħaġa li tagħti tifsira lil ħajjithom u li ssawwar il-ħolm tagħhom. Għal din ir-raġuni, u għalija personalment, li nsegwi l-Olimpjadi mhuwiex dwar it-tabella tal-punti jew il-lista ta’ klassifikazzjoni. Insegwi l-Olimpjadi biex nara l-espressjonijiet fuq l-uċuħ tal-atleti, il-ferħ u d-dieqa tagħhom, id-dmugħ u l-entużjażmu tagħhom. Insegwi l-Olimpjadi biex narahom jistinkaw biex jissuperaw lilhom innifishom.