Mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE

Il-KESE għandu jkun involut mill-bidu nett fl-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea biex jissaħħaħ l-involviment mas-soċjetà ċivili. Skont il-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, l-istudju li jmiss tal-KESE dwar L-immappjar tal-prattiki tad-djalogu ċivili fl-Istituzzjonijiet tal-UE jista’ jipprovdi kontribut siewi.

Wara l-bidu taċ-ċiklu politiku l-ġdid tal-UE, u t-tħabbir ta’ Strateġija tal-UE għall-appoġġ, il-protezzjoni u t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili għat-tielet kwart tal-2025 fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, il-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili organizza konferenza biex jenfasizza l-azzjonijiet ewlenin meħtieġa għall-mandat 2024-2029. Għall-avveniment fit-3 ta’ Marzu attendew ċittadini u madwar 100 rappreżentant minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili nazzjonali u Ewropej.

Séamus Boland, il-President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, qal li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol x’jaqdu biex jiżguraw li t-tfassil tal-politika jkun infurmat u li jwieġeb għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini. Huwa tenna t-talba tal-Grupp u tal-Kumitat biex il-KESE jkun involut fil-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili ppjanata mill-Kummissjoni.

“Il-KESE, bl-esperjenza tiegħu u l-pjattaforma li jipprovdi, jeħtieġlu jkun involut mill-bidu fl-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea biex jiżdied l-involviment mas-soċjetà ċivili. Il-KESE jeħtieġlu jieħu sehem fil-governanza u jkun parti ewlenija mill-inizjattiva dwar il-ħolqien ta’ Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili,” sostna s-Sur Boland.

Huwa argumenta li djalogu ċivili strutturat, regolari, trasparenti u inklużiv għandu jinbena fuq strutturi eżistenti u jlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom joħolqu grupp ta’ ħidma dwar id-djalogu ċivili, iffaċilitat mill-KESE.

“Grupp ta’ ħidma dwar id-djalogu ċivili jista’ joħloq pjan dettaljat għal ambjent aktar favorevoli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tfassil tal-politika,” qal is-Sur Boland.  Dan jista’ jkun l-ewwel pass lejn djalogu ċivili aktar strutturat u jindirizza l-mistoqsijiet li ġejjin: min jiġi kkonsultat, dwar liema suġġetti, fuq liema skedi ta’ żmien, b’liema eżiti?

Barra minn hekk, il-grupp ta’ ħidma propost jista’ jibbaża fuq l-istudju li jmiss tal-KESE dwar il-prattiki ta’ djalogu eżistenti, intitolat L-immappjar tal-prattiki tad-djalogu ċivili fl-Istituzzjonijiet tal-UE.

L-istudju ġie kkummissjonat mill-KESE fuq talba tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili. Ir-riżultati mistennija jkunu disponibbli minn Lulju 2025. L-istudju jwettaq immappjar komprensiv tal-prattiki tad-djalogu ċivili fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE: liema proċessi ta’ involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jiġu organizzati bħalissa u x’metodoloġija qed tintuża? L-għarfien dwar il-prattiki eżistenti għandu jinforma u jappoġġja l-ħidma lejn djalogu ċivili aktar strutturat fiċ-ċiklu leġiżlattiv il-ġdid. Is-sejbiet preliminari tal-istudju kienu diġà ppreżentati fil-konferenza minn Berta Mizsei miċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS).

Il-Konferenza enfasizzat ukoll li s-saħħa finanzjarja tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija prekundizzjoni għad-djalogu u l-konnessjoni ta’ dawk li jfasslu l-politika mal-ħtiġijiet taċ-ċittadini. L-istabbiltà finanzjarja u l-indipendenza tagħhom iridu jiġu ggarantiti.

Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-konferenza jinsabu disponibbli fuq is-sit web tal-KESE.