European Economic
and Social Committee
Il-Patt għal Industrija Nadifa huwa adattat għall-iskop tiegħu?
Fis-6 ta’ Marzu, il-KESE ospita dibattitu dwar il-Patt għal Industrija Nadifa tal-Kummissjoni Ewropea, jiem biss qabel id-diskussjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu. Dawk li jfasslu l-politika, il-mexxejja tal-industrija u s-soċjetà ċivili eżaminaw jekk il-pjan jistax verament jappoġġja s-settur tat-teknoloġija nadifa, l-industriji intensivi fl-enerġija u l-awtonomija strateġika tal-Ewropa.
Bl-instabbiltà ġeopolitika u l-bidla fir-relazzjonijiet transatlantiċi, il-ħtieġa tal-Ewropa għal awtonomija strateġika hija aktar urġenti minn qatt qabel. Il-Patt għal Industrija Nadifa għandu l-għan li jaċċellera d-dekarbonizzazzjoni u ċ-ċirkolarità, waqt li jagħti spinta lill-kompetittività industrijali, billi jibda mit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-enerġija. Għad fadal mistoqsijiet dwar il-fattibbiltà u l-finanzjament tiegħu.
“Il-kwistjoni mhijiex li wieħed jagħżel bejn l-awtonomija strateġika, il-kompetittività jew it-tranżizzjoni doppja. Is-setturi industrijali kollha huma kkonċernati u jeħtiġilhom jadattaw, bil-pass tagħhom iżda b’impenji ċari,” qal Pietro de Lotto, il-President tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) tal-KESE, waqt li ddeskriva l-isfida bħala att ta’ bbilanċjar.
Il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa ġeopolitika li nsiru indipendenti mill-enerġija mir-Russja, iżda t-tnaqqis industrijali tal-Ewropa huwa tħassib dejjem akbar. Il-produzzjoni industrijali u l-influssi ta’ investiment dirett barrani t-tnejn naqsu b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar sentejn.
Il-finanzjament se jkun sfida ewlenija. Il-kisba tal-objettivi tal-pjan tirrikjedi kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-industrija. Waqt li l-Bank Ewropew tal-Investiment wiegħed EUR 500 miljun f’kontrogaranziji u EUR 1,5 biljun biex itejbu l-grilji tal-enerġija, il-gvernijiet nazzjonali jeħtiġilhom jimmobilizzaw riżorsi addizzjonali.
L-impatt soċjali tat-tranżizzjoni huwa wkoll kwistjoni ewlenija, b’mod partikolari fl-industriji intensivi fl-enerġija li ġarrbu telf sinifikanti ta’ impjiegi. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili staqsew jekk it-tnaqqis tat-taxxi fuq l-enerġija, proposta ewlenija tal-Patt, jistax isir askapitu tal-finanzjament tal-edukazzjoni u tal-kura tas-saħħa.
Minkejja l-ottimiżmu dwar l-għanijiet fit-tul tal-Patt għal Industrija Nadifa, l-esperti wrew tħassib dwar il-kapaċità tiegħu li jindirizza l-isfidi fuq terminu qasir. Il-ħeffa u s-semplifikazzjoni huma kruċjali, peress li l-kostijiet għoljin tal-enerġija u l-ostakli regolatorji jistgħu jnaqqsu r-ritmu tal-progress. Il-politiki nazzjonali frammentati għadhom sfida, u l-Patt għal Industrija Nadifa qed fil-periklu li jitlef opportunità kruċjali biex il-politika industrijali tiġi allinjata fl-Ewropa kollha.
In-newtralità teknoloġika hija preokkupazzjoni wkoll, b’dibattitu dwar il-bilanċ it-tajjeb tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, tal-idroġenu u tal-bijofjuwils. Waqt li l-enfasi fuq l-enerġija rinnovabbli tintlaqa’ tajjeb, huma meħtieġa impenji b’saħħithom għall-effiċjenza enerġetika. Bl-enerġija rinnovabbli l-konsumaturi Ewropej diġà ffrankaw EUR 100 biljun bejn l-2021 u l-2023, suċċess li l-UE għandha tibni fuqu. (jh)