European Economic
and Social Committee
Difiża Ewropea: kwistjoni ta’ nfiq għaqli u effiċjenti
Minn Marcin Nowacki
Hekk kif l-Ewropa qed taffaċċja xenarju ġeopolitiku li qed jevolvi malajr, tqum mistoqsija ewlenija: kif tista’ l-Unjoni Ewropea tiżgura s-sigurtà tagħha f’dinja dejjem aktar inċerta? Fl-Opinjoni dwar Finanzjament tad-difiża fl-UE, il-KESE jippreżenta pjan direzzjonali komprensiv għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-UE u t-tħejjija għall-isfidi attwali u futuri.
Din l-Opinjoni tasal fi żmien li fih qed jiżdied t-theddid għas-sigurtà. Fil-qalba tal-pożizzjoni tal-KESE hemm sejħa għal mekkaniżmu ta’ finanzjament tad-difiża fl-UE unifikat u robust. L-istrutturi ta’ finanzjament attwali mhumiex adegwati, u hemm bżonn bidla. Mingħajr approċċ aktar koordinat għall-finanzjament tad-difiża, l-UE tinsab fil-periklu li taqa’ lura fil-protezzjoni tal-interessi tagħha. Fost it-tħassib imsemmi fl-Opinjoni hemm il-fatt li “78 % tal-EUR 75 biljun minfuqa mill-pajjiżi tal-UE fuq l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża marru għand fornituri mhux tal-UE”, kif jingħad fir-rapport tal-Kummissjoni dwar Il-futur tal-kompetittività Ewropea. Din id-dipendenza dejjem tikber minn fornituri esterni ma tistax tiġi injorata.
Madankollu, mhijiex biss kwistjoni ta’ nfiq akbar, imma infiq b’mod għaqli u effiċjenti. Il-KESE jirrakkomanda t-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn l-UE u n-NATO, iż-żieda fil-finanzjament għal inizjattivi bħall-Fond Ewropew għad-Difiża u l-Faċilità Ewropea għall-Paċi, u l-enfasi fuq akkwist konġunti biex ir-riżorsi jiġu integrati u l-kostijiet jitnaqqsu. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li l-membri Ewropej tan-NATO jimpenjaw mill-inqas 2,5 % tal-PDG tagħhom għad-difiża, pass li se jsaħħaħ ir-rispons tal-Ewropa għat-theddid ġeopolitiku attwali. Din il-mira ta’ nfiq ogħla tiżgura li l-membri Ewropej tan-NATO jikkontribwixxu b’mod aktar effettiv għas-sigurtà kollettiva, waqt li jżommu s-sovranità sħiħa fuq il-forzi armati tagħhom.
Barra minn hekk, inizjattivi bħall-Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon (ASAP) u l-Att dwar it-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) huma essenzjali biex isaħħu l-kapaċitajiet tad-difiża tal-UE. Dawn l-isforzi se jippermettu lill-Ewropa tlaqqa’ flimkien ir-riżorsi b’mod effettiv, u tiżgura kemm il-preparatezza militari kif ukoll dik ċivili.
L-avvanzi teknoloġiċi, inklużi l-intelliġenza artifiċjali, id-droni u ċ-ċibersigurtà, qed isiru dejjem aktar essenzjali għas-sigurtà nazzjonali. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-investiment f’dawn l-oqsma biex it-theddid emerġenti jibqa’ taħt kontroll. Il-kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat hija kruċjali biex tixpruna l-innovazzjoni, b’mod partikolari fl-IA, fid-droni u fis-sistemi taċ-ċibersigurtà.
L-Opinjoni tappella wkoll għal ekosistema ta’ industrija tad-difiża Ewropea reżiljenti, li tħeġġeġ kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-intrapriżi, il-SMEs u l-gvernijiet. It-trawwim tal-innovazzjoni u l-iżgurar li l-Ewropa tibqa’ kompetittiva se jnaqqsu d-dipendenza minn fornituri esterni, u fl-istess waqt jibnu industrija tad-difiża aktar awtosuffiċjenti.
Barra minn hekk, ma’ għandniex ninsew l-inizjattivi reġjonali fi ħdan l-UE. It-tisħiħ tal-kollaborazzjonijiet reġjonali se jgħin fit-tfassil tal-istrateġiji tad-difiża biex jindirizzaw l-isfidi speċifiċi tas-sigurtà li jaffaċċjaw Stati Membri differenti. Dan l-approċċ jiżgura li t-tħassib reġjonali jiġi indirizzat sew fi ħdan il-qafas aktar ġenerali tal-UE.
It-tisħiħ tad-difiża tal-UE ma jikkonċernax biss is-sigurtà — huwa kwistjoni ta’ rispett tal-valuri tal-UE. Aħna nemmnu li jekk issegwi l-pjan direzzjonali deskritt fl-Opinjoni tagħna, l-UE tista’ tiżgura l-futur tagħha u tissalvagwardja l-paċi u l-interessi ekonomiċi tagħha.