Jekk l-UE trid tibqa’ ħajja, trid tikkomunika b’mod effettiv, speċjalment fil-kuntest attwali ta’ diżinformazzjoni sfrenata, iż-żieda rapida tal-intelliġenza artifiċjali u żieda fit-tendenzi awtoritarji. Biex tilħaq lil kulħadd, il-komunikazzjoni dwar l-UE jeħtieġ tasal fil-livell lokali.

Rebranding Europe, il-ktieb il-ġdid tal-istrateġista tal-komunikazzjoni u awtur Stavros Papagianneas, iwitti t-triq għal diskussjoni kritika dwar ir-rwol tal-UE fix-xena globali, li l-Ewropa tinsab f’salib it-toroq fid-dawl tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, li qed tidħol fit-tielet sena tagħha, il-gwerra fil-Lvant Nofsani u sensiela ta’ sfidi ġeopolitiċi u ekonomiċi.

Il-preżentazzjoni tal-ktieb saret fit-3 ta’ Diċembru fir-Residence Palace fi Brussell, li għaliha attenda l-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni Laurenţiu Plosceanu, li ħa sehem fid-dibattitu dwar il-pożizzjoni tal-Ewropa f’arena globali turbolenti u l-ħtieġa li l-UE tikkomunika l-valuri tagħha b’mod effettiv.

“L-UE tinsab f’mument determinanti. Biex tiżgura l-futur tagħha, l-Ewropa jeħtiġilha tikkomunika viżjoni ċara u konvinċenti liċ-ċittadini tagħha u lid-dinja. Din mhix kwistjoni ta’ politika, iżda ta’ fiduċja, identità u skop kondiviż,” spjega Papagianneas.

Il-parteċipanti fid-dibattitu enfasizzaw li komunikazzjoni effettiva mhijiex biss għażla iżda ħtieġa għas-sopravivenza tal-UE, speċjalment fl-era attwali mifnija diżinformazzjoni, l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, u awtoritarjaniżmu li qed jinfirex dejjem aktar. L-Ewropa trid tkun minn ta’ quddiem fil-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Ir-rwol tal-media huwa essenzjali fit-tiswir tal-isfera pubblika tal-Ewropa, kif irrikonoxxa Colin Stevens, kap editur ta’ EU Reporter u moderatur tad-diskussjoni. “Aħna, il-media, irridu nispjegaw u nirrepetu bla heda li l-Ewropa tikkonċerna lil kulħadd. U rridu nwasslu dan il-messaġġ kuljum,” qal Stevens.

L-esperti jaqblu li huwa diffiċli ħafna li nikkumbattu l-miżinformazzjoni jew l-aħbarijiet foloz f’ras il-għajn, b’mod partikolari minħabba l-użu mifrux tal-intelliġenza artifiċjali. L-aktar kontromiżura effettiva hija li tinħoloq reżiljenza fi ħdan il-popolazzjoni.

Is-Sur Plosceanu qal li “wasal iż-żmien li niftħu widnejna sew għal dak li qed jgħidulna ċ-ċittadini, aktar milli nitkellmu magħhom. Iċ-ċittadini jridu aktar involviment u parteċipazzjoni. Huwa saħaq l-importanza tal-kooperazzjoni mal-istampa reġjonali u ħeġġeġ lill-Istituzzjonijiet tal-UE biex jiżviluppaw sħubijiet mal-media reġjonali u jistiednu lill-ġurnalisti reġjonali fi Brussell. Huwa temm jgħid li l-Ewropa jeħtieġ tilħaq il-livell lokali, il-livell taċ-ċittadini.

Peress li l-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej l-ewwel jaħsbu mill-perspettiva lokali, wara reġjonali, imbagħad nazzjonali, u fl-aħħar nett dik Ewropea, il-komunikazzjoni dwar l-Ewropa trid tadatta għal din ir-realtà u tirrikonoxxi li biex jintlaħqu ċ-ċittadini, in-narrattivi jridu jkunu lokali, reġjonali u nazzjonali. (mt)