European Economic
and Social Committee
IL-PREMJU TAL-KESE GĦAS-SOĊJETÀ ĊIVILI FIL-QOSOR
Il-Premju ewlieni tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili sal-lum ingħata 15-il darba. Il-Premju jingħata lil proġetti li jieħdu approċċ partikolarment kreattiv u innovattiv għal kwistjonijiet li huma rilevanti ħafna għall-UE.
L-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu minn kwalunkwe organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili rreġistrata uffiċjalment fl-Unjoni Ewropea u li taġixxi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew. Il-Premju huwa miftuħ ukoll għal individwi li jirrisjedu fl-UE, kif ukoll għal kumpaniji rreġistrati jew li joperaw fl-UE, dment li l-proġetti tagħhom ikunu strettament mingħajr skop ta’ qligħ.
L-inizjattivi u l-proġetti kollha eliġibbli jridu jitwettqu fl-UE. Dawn għandhom ikunu diġà ġew implimentati jew għadhom għaddejjin sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet.
L-għan tal-Premju huwa li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-kontribut eċċellenti tas-soċjetà ċivili għall-ħolqien ta’ identità u ċittadinanza Ewropej u għall-promozzjoni tal-valuri komuni li jsaħħu l-integrazzjoni Ewropea.
Kull sena jintgħażel suġġett differenti. Fl-2023, il-Premju ingħata lil proġetti li jiffukaw fuq is-saħħa mentali. Fl-2022, il-KESE b’mod eċċezzjonali ppremja żewġ temi: iż-żgħażagħ u l-Ukrajna Fl-2021, il-Premju onora proġetti klimatiċi li jippromovu tranżizzjoni ġusta. Fl-2020, il-KESE ssostitwixxa l-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili bi Premju ta’ darba għas-Solidarjetà Ċivili, iddedikat għall-ġlieda kontra l-COVID-19. Temi oħrajn fil-passat inkludew l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, l-identitajiet Ewropej u l-wirt kulturali, u l-migrazzjoni.
F’Ottubru 2024, il-KESE nieda l-15-il Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili dwar il-ġlieda kontra l-polarizzazzjoni dannuża tas-soċjetà Ewropea.
It-tema tal-polarizzazzjoni hija aktar urġenti minn qatt qabel. Fost kriżijiet multipli li jikkoinċidu – fosthom il-pandemija tal-COVID-19, il-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna u l-instabbiltà soċjali u ekonomika mifruxa – kibret in-nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet u fl-awtoritajiet pubbliċi, u dan wassal għal polarizzazzjoni dannuża.
Is-soċjetà ċivili għandha rwol ewlieni fil-ġlieda kontra dan in-nuqqas ta’ fiduċja u fil-monitoraġġ tal-punti minn fejn tinbet il-polarizzazzjoni online u offline, għat-titjib tal-koeżjoni soċjali u għaż-żamma tal-ideali demokratiċi. Flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili,hija tista’ tgħin biex tipproteġi d-demokrazija liberali minn xejriet awtoritarji.
Għal din ir-raġuni, il-KESE ddeċieda li jagħti l-15-il Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili lil inizjattivi mingħajr skop ta’ qligħ li jintervjenu b’mod effettiv billi jimplimentaw miżuri preventivi, ta’ twissija bikrija u (fejn meħtieġ) ta’ tnaqqis ta’ tensjoni li jiżguraw li l-valuri demokratiċi jiġu rispettati, il-polarizzazzjoni ma ssirx ta’ ħsara u li narrattivi unilaterali ma jwasslux għal atti ta’ vjolenza.