Mort din il-COP b’sens ta’ urġenza, bl-idea li ma tantx kien fadal żmien. Il-COP 27 kienet Konferenza deċiżiva, dik li kellha tgħaddi mill-ambizzjoni għall-fatti, il-COP tal-implimentazzjoni.

Ir-realtà għandha rasha iebsa u l-ħin kollu tfakkarna fit-tisħin globali u li m’aħna nagħmlu xejn fil-qasam tal-klima.

F’dawn l-aħħar snin, in-nuqqas ta’ kollaborazzjoni internazzjonali globali ntwera min-nuqqas ta’ rieda politika, fir-rigward pereżempju, li jiġi stabbilit fond xieraq għat-telf u l-ħsara. U dan minkejja l-fatt li l-aktar pajjiżi vulnerabbli u l-aktar pajjiżi milquta ilhom jappellaw għal dan għal diversi snin.

Dan l-għan fl-aħħar inkiseb matul din il-COP, anke jekk għadna ma nafux kif dan se jiġi implimentat.

Wara diskussjonijiet twal u kkumplikati, il-COP 27 stabbilixxiet programm ta’ ħidma dwar it-tranżizzjoni ġusta abbażi tad-djalogu soċjali u l-protezzjoni soċjali. Iżda t-trade unions u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ilhom jappellaw għal dan.

Madankollu jeħtieġ li niftakru li ma jistax ikun hemm ġustizzja klimatika mingħajr drittijiet tal-bniedem u li d-drittijiet tax-xogħol huma drittijiet tal-bniedem. U tkellimna ħafna dwar drittijiet f’Sharm El-Sheikh. Is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet il-kbar, it-trade unions u ċerti gvernijiet akkużaw lill-Eġittu bin-nuqqas tad-drittijiet tal-bniedem.

Hemm mistoqsija oħra li rridu nagħmlu dwar il-funzjonament stess tal-Konferenzi, saħansitra dwar il-politika internazzjonali dwar il-klima: għandhom jiġu riformati? Għandna nisimgħu iktar lis-soċjetà ċivili, lill-imsieħba soċjali, liż-żgħażagħ u lin-nisa? M’għandniex nagħtuhom vuċi aktar b'saħħitha fit-teħid tad-deċiżjonijiet?

Fir-rigward ta’ dak li fil-verità kisbet il-COP, jidher ċar li hemm nuqqas ta’ ambizzjoni, meta titqies kemm hi kbira l-emerġenza klimatika. Ma stajniex nemmnu li għadna qed nieħdu sehem f’diskussjonijiet dwar kwistjonijiet li suppost huma ovvji, bħall-għan ta’ 1.5°C, tnaqqis aktar rapidu tal-fjuwils fossili, eċċ., mingħajr ma nsemmu l-kwistjonijiet ta’ finanzjament.

U iva, huwa ovvju li l-irġiel għadhom qed jiddominaw in-negozjati dwar il-klima, kemm fin-numru kif ukoll minħabba l-pożizzjoni ġerarkika tagħhom. Il-preżenza tan-nisa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-klima hija essenzjali u n-nuqqas tagħhom iħarrax l-inugwaljanzi u jwaqqafhom milli jikkontribwixxu aktar bis-sħiħ fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-klima.

Iż-żmien għaddej u din il-COP 27 tagħmilha ċara li minkejja xi progress, għad fadal ħafna xi jsir.

Isabel Caño Aguilar

Il-Viċi President tal-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli