Il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u t-tfal li qed jistinkaw biex jegħlbu d-diskriminazzjoni jew l-ostakli għall-integrazzjoni tagħhom mhux dejjem jitqiesu bis-sħiħ fil-politiki ta’ integrazzjoni tal-Istati Membri tal-UE. Il-KESE ressaq modi biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet f’Opinjoni esploratorja ppreżentata fis-sessjoni plenarja ta’ Ottubru.

Il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talbet lill-KESE jiddiksuti modi kif tiġi faċilitata l-integrazzjoni tan-nisa, tal-ommijiet u tal-familji minn ambjent ta’ migrazzjoni.

Din l-Opinjoni tfasslet mill-eks membru Indrė Vareikytė u ppreżentata mir-relatur ġenerali, Ákos Topolánszky, fis-sessjoni plenarja fid-29 ta’ Ottubru.

Is-Sur Topolánszky wissa lill-pari tiegħu li inqas minn nofs l-Istati Membri implimentaw politiki li jappoġġjaw b’mod espliċitu lin-nisa u t-tfal ta’ dixxendenza migratorja li jiffaċċjaw diskriminazzjoni u ostakli għal integrazzjoni. “Iżolati, ħafna drabi huma vittmi tas-solitudni u l-vjolenza,” huwa qal. Fir-rigward ta’ soluzzjonijiet, is-Sur Topolánszky enfasizza l-importanza li jiġu adottati politiki ta’ integrazzjoni b’mod olistiku, u li jinkludu l-inklużjoni fil-qasam tax-xogħol, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-ġustizzja u l-akkomodazzjoni.

Il-KESE jemmen li l-migranti għandhom jiġu infurmati aħjar dwar l-objettivi tat-taħriġ lingwistiku u l-benefiċċji assoċjati għall-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Il-Kumitat iħeġġeġ ukoll aktar investigazzjoni dwar jekk il-Qafas Komuni Ewropew ta’ referenza għal-lingwi jistax jintuża biex jiġi ssemplifikat il-proċess tat-taħriġ tal-lingwi tal-migranti u biex jiġi żgurat approċċ aktar imfassal apposta.

In-nisa migranti jiffaċċjaw forom multipli jew intersezzjonali ta’ diskriminazzjoni f’ħafna oqsma tal-ħajja soċjali.
Il-KESE għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u jappella lill-Istati Membri kollha biex jiżguraw li n-nisa migranti li huma vittmi ta’ vjolenza jkollhom l-istess aċċess bħal nisa mwielda fil-pajjiż biex jiksbu servizzi, aċċess u faċilitajiet.

Billi l-kriżi tal-COVID-19 affettwat b’mod sproporzjonat lill-komunitajiet vulnerabbli, bħan-nisa migranti ta’ etniċità f’minoranza, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwi lill-Kummissjoni biex meta tkun qed tiżviluppa l-inizjattiva ġdida tagħha dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni, tqis it-tagħlimiet miksuba minn din il-kriżi fl-Unjoni kollha u fi ħdan l-Istati Membri.

Fl-appendiċi tagħha, l-Opinjoni telenka sensiela ta’ proġetti soċjali li huma ta’ inspirazzjoni fejn in-nisa u t-tfal migranti huma appoġġjati fl-integrazzjoni u t-taħriġ lingwistiku tagħhom. (ll/tk)