European Economic
and Social Committee
Il-Balkani tal-Punent qatt qabel ma kienu daqshekk qrib l-adeżjoni mal-UE
Il-KESE organizza l-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent fid-19 u l-20 ta’ Ottubru 2023, li indika momentum imġedded għar-reġjun biex jissieħeb fl-UE, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, u impenn ċar mill-mexxejja tal-UE għall-politika tat-tkabbir.
Ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi appoġġjat aktar u salvagwardjat l-ispazju ċiviku biex jiġu ffaċilitati r-riformi soċjoekonomiċi essenzjali meħtieġa għall-integrazzjoni fl-UE.
Il-Forum ġie organizzat f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali u ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) f’Tessalonika, il-Greċja.
Huwa u jiftaħ il-Forum, il-President tal-KESE, Oliver Röpke, qal: “Il-KESE kien parti integrali mill-proċess tat-tkabbir tal-UE u bi kburija nistqarr li qed nieħdu pass ieħor fl-appoġġ tagħna. Ftit ġimgħat ilu, il-KESE ħa deċiżjoni storika li jiftaħ il-bibien tagħna għall-pajjiżi kandidati tal-UE, billi ħatar membri minn dawn il-pajjiżi kandidati”.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija u d-Demografija, Dubravka Šuica, qalet “Lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent nixtieq ngħidilhom li l-preżent u l-futur tagħna huma konnessi mill-qrib. Nilqa’ l-inizjattiva tal-KESE li jinkludi lill-membri kandidati għat-tkabbir fil-ħidma konsultattiva tiegħu. Il-KESE huwa l-ewwel korp tal-Unjoni Ewropea li għamel dan”.
Il-kelliema, li ġew minn diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet nongovernattivi mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, semmew l-isfidi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jiffaċċjaw, bħal konsultazzjonijiet sporadiċi, tnaqqis notevoli fil-kooperazzjoni mal-gvernijiet u involviment limitat fil-proċess ta’ monitoraġġ u ta’ implimentazzjoni tal-politiki Ewropej.
Matul il-Forum ġew diskussi l-istat tas-sistema edukattiva, il-politika dwar iż-żgħażagħ u l-iżvilupp tal-ħiliet fil-Balkani tal-Punent, kif ukoll l-edukazzjoni għall-adulti, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
It-tielet sessjoni kienet iddedikata għall-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent.
Id-Dikjarazzjoni adottata se tkun pass ’il quddiem lejn is-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent li se jsir f’Diċembru. (at)