Il-kriżi tas-saħħa li ninsabu fiha bħalissa hija mingħajr preċedent fl-istorja Ewropea u tad-dinja: il-kriżi qed taffettwa b'mod sever lir-razza umana f'kull kantuniera tad-dinja, u qed iġġibna wiċċ imb wiċċ man-natura tranżitorja ta' ħajjitna. Attakkana organiżmu mikroskopiku, u għalkemm s'issa għadna ma nistgħux negħlbuh, aħna se nirbħu din l-isfida.

Għall-ewwel darba f'eluf ta' snin tal-istorja tagħna, ir-razza umana qed ikollha twettaq bosta attivitajiet umani u soċjali mingħajr kuntatt fiżiku, mingħajr ma nkunu fl-istess post, mingħajr relazzjonijiet umani diretti. Kellna nitgħallmu ngħixu b'mod "virtwali", xi ħaġa li se tbiddel, mil-lat antropoloġiku, il-mod kif ngħixu bħala persuni. Id-dinja qiegħda tinbidel u konsegwentement irridu ninbidlu wkoll: irridu nitgħallmu nużaw l-għodda diġitali biex nidħlu f'laqgħat bil-vidjo, irridu nitgħallmu nikkomunikaw b'mod differenti, mingħajr ma naraw lil xulxin fiżikament jew inżommu t-tbegħid soċjali meta nagħmlu dan; il-mobilità qed tinbidel ukoll, u qegħdin nippruvaw modi ġodda ta’ kif nivvjaġġaw, bħal pereżempju l-iskuters. Dawn huma biss ftit eżempji ta' kif il-bidla qed issir parti kbira ta' ħajjitna.

L-isfida tal-ġenerazzjoni tagħna hija li nindirizzaw dawn l-isfidi u nsibu soluzzjonijiet.

Minkejja dan kollu, aħna bnedmin u kapaċi nadattaw. Ilkoll nafu li dan huwa biss mument ta' intermissjoni fl-istorja twila tagħna, u li llum jew għada, se nkunu kapaċi nirritornaw għan-natura oriġinali tagħna bħala annimali soċjali.

F'ċertu sens, kienet ta' diqa li norganizzaw mill-bogħod is-sessjoni plenarja kostituttiva tal-KESE għal dan il-mandat il-ġdid, sentiment li huwa kondiviż minn bosta. Mingħajr il-possibbiltà li persuna tiltaqa' personalment u ssir taf lill-membri l-ġodda, li tieħu kafè flimkien ma' persuni oħra matul il-pawża jew tazza inbid wara ġurnata twila ta' xogħol, huwa tabilħaqq xi ħaġa differenti. Dawn huma, fil-fatt, mumenti importanti u l-interazzjonijiet soċjali fil-ħajja tax-xogħol tagħna, huma essenzjali sabiex insiru nafu lil xulxin u naqsmu l-fehmiet tagħna mal-kollegi tagħna, li magħhom irridu ninnegozjaw u nsibu konsensus sabiex nadottaw l-opinjonijiet tagħna.

Ilkoll ninsabu konxji li se jkollna nipposponu dawn l-attivitajiet għal perjodu itwal, madankollu, illum jew għada se nerġgħu niżvolgu l-attività umana tagħna f'kull sens.