Skip to main content
Newsletter Info

KESE info

European Economic and Social Committee A bridge between Europe and organised civil society

NOVEMBER 2020 | MT

KESE Info – EDIZZJONI SPEĊJALI – Il-Presidenza l-ġdida tal-KESE
GENERATE NEWSLETTER PDF

Lingwi Disponibbli:

  • BG
  • CS
  • DA
  • DE
  • EL
  • EN
  • ES
  • ET
  • FI
  • FR
  • GA
  • HR
  • HU
  • IT
  • LT
  • LV
  • MT
  • NL
  • PL
  • PT
  • RO
  • SK
  • SL
  • SV
Editorjal

Editorjal

Għeżież qarrejja,

Għadna kemm inawgurajna l-mandat il-ġdid tal-KESE b’mod atipiku ħafna. Minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, għall-ewwel darba fl-istorja tagħna, is-sessjoni plenarja inawgurali kienet virtwali. 

Il-metodi ta’ ħidma online – in-norma l-ġdida fix-xhur li ġejjin – jistgħu jkunu kemm ta’ sfida kif ukoll ta’ benefiċċju. Li naslu għal kompromess dwar il-politiki tal-UE huwa aktar faċli meta jkollna kuntatt dirett. Min-naħa l-oħra, niffrankaw il-ħin tal-ivvjaġġar u nivvjaġġaw virtwalment madwar l-UE fi ftit klikkjaturi.

Read more in all languages

Għeżież qarrejja,

Għadna kemm inawgurajna l-mandat il-ġdid tal-KESE b’mod atipiku ħafna. Minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, għall-ewwel darba fl-istorja tagħna, is-sessjoni plenarja inawgurali kienet virtwali. 

Il-metodi ta’ ħidma online – in-norma l-ġdida fix-xhur li ġejjin – jistgħu jkunu kemm ta’ sfida kif ukoll ta’ benefiċċju. Li naslu għal kompromess dwar il-politiki tal-UE huwa aktar faċli meta jkollna kuntatt dirett. Min-naħa l-oħra, niffrankaw il-ħin tal-ivvjaġġar u nivvjaġġaw virtwalment madwar l-UE fi ftit klikkjaturi.

Il-KESE huwa pont bejn is-soċjetà ċivili organizzata u l-qafas istituzzjonali Ewropew. Il-bini ta’ pontijiet diġitali għandu l-vantaġġi – nistgħu nħaffu aktar, inkunu aktar flessibbli u nistgħu nilħqu aktar nies.

Din l-interkonnettività hija partikolarment importanti llum il-ġurnata, hekk kif l-UE qed tiġġieled il-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u soċjetali tagħha. Huwa għalhekk li għażilt l-unità bħala kelma ewlenija għall-presidenza tiegħi. Jeħtieġ li ningħaqdu fil-ġlieda kontra l-kriżi u jeħtieġ li ningħaqdu fit-tfassil tal-UE wara l-COVID-19. Irridu nkunu magħquda għall-ġejjieni tal-Ewropa!

X’tip ta’ Ewropa għandna bżonn? Fil-fehma tiegħi għandna bżonn Ewropa ekonomikament prospera, soċjalment inklużiva u ambjentalment sostenibbli. Ewropa li tipprovdi kundizzjonijiet sodi għas-soċjetà ċivili kolla biex tiffjorixxi u tgħix f’demokraziji miftuħa u bbażati fuq il-valuri.

Għandna bżonn Ewropa aktar parteċipatttiva u politiki li huma aktar effettivi u marbuta aħjar mas-sitwazzjoni fuq il-post. Il-KESE lest jipprovdi l-għarfien espert tiegħu lil dawk li jfasslu l-politiki biex jgħinhom iwettqu dan.

Internament u esternament, qed nagħmel ħilti biex insaħħaħ ir-reputazzjoni tal-UE u nerġa’ nikseb il-fiduċja u l-kredibilità. Flimkien adottajna mandat biex nirrevedu r-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta biex niżguraw li l-Kumitat jissodisfa l-ogħla standards etiċi u professjonali.

Nixtieq nitlobkom ilkoll biex tipparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet tal-KESE. Billi tieħdu sehem fl-avvenimenti tagħna, billi tikkontribwixxu għad-diskussjonijiet u billi taqsmu r-riżultati ta’ ħidmitna, tista’ tgħinuna nsemmgħu leħen is-soċjetà ċivili. Magħquda għall-ġejjieni tal-Ewropa!

Christa Schweng, President tal-KESE

 

“Mistoqsija waħda lil...”

“Mistoqsija waħda lil...”.

Minn din l-edizzjoni ta’ KESE info, qed nagħtu bidu għal taqsima ġdida intitolata “Mistoqsija waħda lil...”. Se nissoktaw b’din is-sensiela ta’ mistoqsijiet u tweġibiet billi nistaqsu lill-membri tal-KESE biex iwieġbu mistoqsija topika li tidhrilna l-aktar rilevanti f’dak il-mument.

 

Read more in all languages

Minn din l-edizzjoni ta’ KESE info, qed nagħtu bidu għal taqsima ġdida intitolata “Mistoqsija waħda lil...”. Se nissoktaw b’din is-sensiela ta’ mistoqsijiet u tweġibiet billi nistaqsu lill-membri tal-KESE biex iwieġbu mistoqsija topika li tidhrilna l-aktar rilevanti f’dak il-mument.

L-ewwel mistednin li se jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom magħna huma ż-żewġ viċi presidenti l-ġodda. Huma wieġbu l-mistoqsija li ġejja: “Hekk kif tibda l-mandat tiegħek fi żmien ta’ lockdown, tbegħid soċjali u relazzjonijiet tax-xogħol mill-bogħod, kif jista’ jitħeġġeġ mill-ġdid spirtu ta’ konvivjalità kreattiva fi ħdan il-KESE u barra minnu?”

Cillian Lohan, Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni

Spiss naħseb li jekk l-affarijiet ikunu faċli wisq allura ma nkunx qed nisfida lili nnifsi biżżejjed. Iżda l-objettiv tagħna meta noħolqu sistemi li jiffunzjonaw huwa li niżguraw li l-affarijiet ikunu faċli – jaħdmu b’mod effettiv u jiffunzjonaw bla xkiel. Id-distinzjoni li nagħmel hija li l-proċessi għandhom ikunu faċli u l-kontenut għandu jkun ta’ sfida.

Dejjem kien ta’ sodisfazzjon għalija meta sibt mod biex il-ħidma tiegħi fi ħdan il-KESE tkun ta’ sfida, biex imbagħad ninduna li huwa proprju f’dak il-punt li jinstabu soluzzjonijiet siewja.

Read more in all languages

Spiss naħseb li jekk l-affarijiet ikunu faċli wisq allura ma nkunx qed nisfida lili nnifsi biżżejjed. Iżda l-objettiv tagħna meta noħolqu sistemi li jiffunzjonaw huwa li niżguraw li l-affarijiet ikunu faċli – jaħdmu b’mod effettiv u jiffunzjonaw bla xkiel. Id-distinzjoni li nagħmel hija li l-proċessi għandhom ikunu faċli u l-kontenut għandu jkun ta’ sfida.

Dejjem kien ta’ sodisfazzjon għalija meta sibt mod biex il-ħidma tiegħi fi ħdan il-KESE tkun ta’ sfida, biex imbagħad ninduna li huwa proprju f’dak il-punt li jinstabu soluzzjonijiet siewja.

Fil-bidu tal-kariga tiegħi bħala membru, il-proċessi u l-modi ta’ ħidma kienu jikkonfonduni – ibda biex insib il-kamra ta’ laqgħa t-tajba sa li nkun naf meta għandi nagħfas il-buttuna biex nitkellem f’laqgħa.

Kull min jibda mandat ġdid dejjem idum ftit laqgħat qabel ma jidra. Ir-ripetizzjoni twassal għall-familjarità. U, bla dubju, il-waqfiet għall-kafè u li tiltaqa’ mal-kollegi fil-kuruturi huma sors prezzjuż ta’ għarfien u informazzjoni dwar kif imorru l-affarijiet!

Peress li dawn il-modi tas-soltu li jgħinuna nidraw l-ambjent il-ġdid tagħna ma kienux possibbli, il-bidu ta’ dan il-mandat kien differenti. Lanqas biss huwa ċar min ġie lura u min m’għadux preżenti. Mhuwiex faċli għall-membri l-ġodda biex jidraw kif jiffunzjona l-KESE u biex jifhmu d-dinamika tiegħu.

Indunajna li nistgħu naħdmu mill-bogħod. Iżda bl-istess mod sirna napprezzaw il-vantaġġ miżjud li niltaqgħu wiċċ imb wiċċ. Nixtieq nirringrazzja lill-persunal tekniku fil-Kumitat tagħna. Dawn tqiegħdu fil-qalba tas-sitwazzjoni bħala ħaddiema kruċjali għall-iffaċilitar tal-ħidma kontinwa tagħna.

Il-proċess mexa bla xkiel u b’mod effettiv bis-saħħa tagħhom u għenuna naħdmu b’dan il-mod ġdid.

Il-fatt li qed naħdmu mill-bogħod, konnessi mill-uffiċċji fi djarna jew mill-kċina jew is-salott qarribna aktar b’xi mod. Fakkarna li fl-aħħar mill-aħħar ilkoll kemm aħna qed naħdmu f’dan l-ambjent u qed nippruvaw nagħmlu l-almu tagħna.

Ninsab ċert li meta nirrotornaw fil-kmamar tal-JDE għal darb’oħra se nagħmlu dan b’apprezzament ġdid, u nispera b’empatija ikbar għal xulxin, hekk kif nistinkaw biex nipproponu kontenut ta’ siwi fil-livell tal-UE.

Giulia Barbucci, Viċi President tal-KESE għall-Baġit

Il-kriżi tas-saħħa li ninsabu fiha bħalissa hija mingħajr preċedent fl-istorja Ewropea u tad-dinja: il-kriżi qed taffettwa b'mod sever lir-razza umana f'kull kantuniera tad-dinja, u qed iġġibna wiċċ imb wiċċ man-natura tranżitorja ta' ħajjitna. Attakkana organiżmu mikroskopiku, u għalkemm s'issa għadna ma nistgħux negħlbuh, aħna se nirbħu din l-isfida.

Read more in all languages

Il-kriżi tas-saħħa li ninsabu fiha bħalissa hija mingħajr preċedent fl-istorja Ewropea u tad-dinja: il-kriżi qed taffettwa b'mod sever lir-razza umana f'kull kantuniera tad-dinja, u qed iġġibna wiċċ imb wiċċ man-natura tranżitorja ta' ħajjitna. Attakkana organiżmu mikroskopiku, u għalkemm s'issa għadna ma nistgħux negħlbuh, aħna se nirbħu din l-isfida.

Għall-ewwel darba f'eluf ta' snin tal-istorja tagħna, ir-razza umana qed ikollha twettaq bosta attivitajiet umani u soċjali mingħajr kuntatt fiżiku, mingħajr ma nkunu fl-istess post, mingħajr relazzjonijiet umani diretti. Kellna nitgħallmu ngħixu b'mod "virtwali", xi ħaġa li se tbiddel, mil-lat antropoloġiku, il-mod kif ngħixu bħala persuni. Id-dinja qiegħda tinbidel u konsegwentement irridu ninbidlu wkoll: irridu nitgħallmu nużaw l-għodda diġitali biex nidħlu f'laqgħat bil-vidjo, irridu nitgħallmu nikkomunikaw b'mod differenti, mingħajr ma naraw lil xulxin fiżikament jew inżommu t-tbegħid soċjali meta nagħmlu dan; il-mobilità qed tinbidel ukoll, u qegħdin nippruvaw modi ġodda ta’ kif nivvjaġġaw, bħal pereżempju l-iskuters. Dawn huma biss ftit eżempji ta' kif il-bidla qed issir parti kbira ta' ħajjitna.

L-isfida tal-ġenerazzjoni tagħna hija li nindirizzaw dawn l-isfidi u nsibu soluzzjonijiet.

Minkejja dan kollu, aħna bnedmin u kapaċi nadattaw. Ilkoll nafu li dan huwa biss mument ta' intermissjoni fl-istorja twila tagħna, u li llum jew għada, se nkunu kapaċi nirritornaw għan-natura oriġinali tagħna bħala annimali soċjali.

F'ċertu sens, kienet ta' diqa li norganizzaw mill-bogħod is-sessjoni plenarja kostituttiva tal-KESE għal dan il-mandat il-ġdid, sentiment li huwa kondiviż minn bosta. Mingħajr il-possibbiltà li persuna tiltaqa' personalment u ssir taf lill-membri l-ġodda, li tieħu kafè flimkien ma' persuni oħra matul il-pawża jew tazza inbid wara ġurnata twila ta' xogħol, huwa tabilħaqq xi ħaġa differenti. Dawn huma, fil-fatt, mumenti importanti u l-interazzjonijiet soċjali fil-ħajja tax-xogħol tagħna, huma essenzjali sabiex insiru nafu lil xulxin u naqsmu l-fehmiet tagħna mal-kollegi tagħna, li magħhom irridu ninnegozjaw u nsibu konsensus sabiex nadottaw l-opinjonijiet tagħna.

Ilkoll ninsabu konxji li se jkollna nipposponu dawn l-attivitajiet għal perjodu itwal, madankollu, illum jew għada se nerġgħu niżvolgu l-attività umana tagħna f'kull sens.

Aħbarijiet tal-KESE

Il-KESE jeleġġi lil Christa Schweng, mill-Awstrija, għall-ogħla kariga tiegħu

Magħqudin għall-ġejjieni tal-Ewropa: il-President il-ġdida hija determinata biex terġa’ tibni l-unità u r-reputazzjoni tal-KESE u turi l-valur miżjud tiegħu biex jinfluwenza t-tiswir tal-politika fil-livell tal-UE

Read more in all languages

Magħqudin għall-ġejjieni tal-Ewropa: il-President il-ġdida hija determinata biex terġa’ tibni l-unità u r-reputazzjoni tal-KESE u turi l-valur miżjud tiegħu biex jinfluwenza t-tiswir tal-politika fil-livell tal-UE

Christa Schweng mill-Awstrija saret it-33 President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-ħames mara li tmexxi l-korp tal-UE li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata sa mit-twaqqif tiegħu fl-1958. Iż-żewġ Viċi Presidenti l-ġodda eletti biex jingħaqdu magħha fit-tmexxija tal-KESE huma Giulia Barbucci (l-Italja) għall-baġit u Cillian Lohan (l-Irlanda) għall-komunikazzjoni.

Is-Sinjura Schweng ġġib magħha esperjenza estensiva u għarfien profond dwar kwistjonijiet soċjali u tal-impjiegi, li hija kisbet matul għoxrin sena ta' ħidma konsultattiva kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'pajjiżha, l-Awstrija.

Hija ilha sa mill-1994 konsulent għoli tad-Dipartiment tal-Politika Soċjali tal-Kamra Ekonomika Federali Awstrijaka.

Ewropea konvinta, hija ilha 22 sena membru tal-KESE fi ħdan il-Grupp ta’ Min Iħaddem.

Wara l-ħatra tagħha, is-Sinjura Schweng qalet: “Dan il-mandat ser ikun immarkat mill-COVID-19 u, sfortunatament, minn żminijiet ta’ inċertezza u piżijiet ekonomiċi u soċjali, fejn l-intrapriżi qed ibatu biex jibqgħu fuq saqajhom u l-ħaddiema qed jitilfu l-impjieg tagħhom. Fil-kuntest attwali, aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li ningħaqdu flimkien, niżviluppaw viżjoni għal Ewropa ġdida wara l-COVID-19 u nagħmlu l-almu tagħna biex niżguraw li l-Kumitat tagħna jipprovdi kontribut qawwi għall-irkupru tal-Ewropa u r-reżiljenza futura tagħha. Dan ser jimxi id f’id mal-bini mill-ġdid ta’ KESE aktar magħqud, effettiv u apprezzat ħafna.”

F'dan l-ispirtu, il-motto tal-Presidenza tas-Sinjura Schweng huwa "Magħqudin għall-ġejjieni tal-Ewropa".

Il-President il-ġdid wiegħdet li taġixxi immedjatament biex terġa’ tiġi restawrata r-reputazzjoni tal-KESE u terġa’ tinbena l-fiduċja fl-istituzzjoni wara li dan l-aħħar il-Kumitat tenna l-impenn sod tiegħu biex jiġġieled il-fastidju fuq il-post tax-xogħol.

“Neħtieġu Kumitat li huwa magħqud u li jissodisfa l-ogħla standards etiċi, Kumitat b’immaġni eċċellenti,” qalet is-Sinjura Schweng, filwaqt li żiedet li l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-KESE għall-Membri u r-Regoli ta’ Proċedura ser jissaħħu fil-bidu tal-mandat tagħha.

Peress li l-presidenza tal-KESE tinbidel f’nofs il-mandat, il-mandat tal-Bureau l-ġdid immexxi mis-Sinjura Schweng, li tkompli minn fejn ħalla l-predeċessur tagħha Luca Jahier, ser idum sentejn u nofs, sa Marzu 2023.

Il-programm tal-President ser ikun ibbażat fuq il-prijoritajiet li ġejjin, li huma konformi mal-viżjoni tagħha ta’ Ewropa wara l-COVID-19 li tippermetti liċ-ċittadini tagħha jirnexxu u jgħixu f’soċjetà miftuħa u bbażata fuq il-valuri: Ewropa li qed issir ekonomikament prosperuża; Ewropa li hija soċjalment inklużiva; u Ewropa li hija ambjentalment sostenibbli.

Ir-raba’ prijorità hija li jiġi żgurat li l-KESE jaqdi rwol vitali fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li hija inizjattiva importanti li għandha tagħti lill-Ewropej sens ta’ sjieda tal-UE tagħhom billi tippermettilhom jiddibattu suġġetti ewlenin tal-UE u se ttejjeb il-mod kif taħdem l-UE.(ll)

Christa Schweng: “Il-kontribut tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali biex l-Ewropa tissawwar għall-aħjar”

Christa Schweng dehret l-ewwel darba bħala president eletta tal-KESE f’dibattitu inawgurali mal-mexxejja tal-UE l-għada tal-ħatra tagħha fil-plenarja ta’ Ottubru.

Read more in all languages

Christa Schweng dehret l-ewwel darba bħala president eletta tal-KESE f’dibattitu inawgurali mal-mexxejja tal-UE l-għada tal-ħatra tagħha fil-plenarja ta’ Ottubru.

Id-dibattitu, li sar online, iffoka fuq L-Irkupru għall-ġejjieni tal-Ewropa, b’kontributi mill-presidenti tal-istituzzjonijiet ewlenin kollha tal-UE, li rriflettew dwar ir-rwol li s-soċjetà ċivili jista’ jkollha fl-indirizzar tal-isfidi li bħalissa qed jiffaċċjaw l-Ewropa u d-dinja kollha.
Christa Schweng, il-President eletta tal-KESE, qalet li l-Kumitat jaqdi rwol ewlieni biex leħen is-soċjetà ċivili organizzata jinstema’ fil-livell Ewropew.

“Bis-saħħa tal-kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata”, hija qalet, “Il-politiki Ewropej jistgħu jirriflettu s-sitwazzjoni fil-prattika b’mod aktar preċiż u jistgħu jiġu implimentati b’mod aktar effettiv fil-livell nazzjonali jew lokali”.

Dan ir-rwol, skont is-Sinjura Schweng, mhuwiex biss pożittiv, iżda tabilħaqq meħtieġ: “L-esperjenza prattika ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema, tal-konsumaturi, tal-bdiewa u tal-NGOs hija essenzjali biex tissawwar Ewropa aħjar. Aħna naġixxu bħala pont: jeħtieġ li nwettqu dak ir-rwol, u ninsab konvinta li nistgħu nagħmlu dan".

Il-Viċi Presidenti eletti tal-KESE ħadu sehem ukoll fid-dibattitu. Giulia Barbucci, Viċi President għall-Baġit, fakkret li l-UE wettqet biċċa xogħol kbira fl-indirizzar tal-kriżi attwali, iżda dak li għadu nieqes huwa l-involviment fundamentali taċ-ċittadini, u l-KESE jista’ jaqdi rwol importanti ħafna f’dan ir-rigward.

Cillian Lohan, Viċi President għall-Komunikazzjoni, saħaq li l-membri tal-KESE għandhom perspettiva unika dwar l-impatt tal-UE fuq il-ħajja ta’ kuljum f’setturi differenti tas-soċjetà.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ħadet sehem ukoll fid-dibattitu b’messaġġ bil-vidjo, u flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew David Maria Sassoli, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u l-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Apostolos Tzitzikostas, xtaqet lil Christa Schweng l-isbaħ xewqat għall-mandat tagħha. Ilkoll esprimew apprezzament kbir għall-kontributi tal-KESE u ddeskrivew il-ħtieġa li l-vuċi tas-soċjetà ċivili Ewropea tingaħta widen. (dgf)

Cillian Lohan: “Neħtieġu tmexxija li nistgħu nafdaw”

Cillian Lohan (l-Irlanda) se jkun wieħed miż-żewġ Viċi Presidenti tal-KESE għal mandat ta’ sentejn u nofs, minn Ottubru 2020 sa Marzu 2023. Huwa se jkun responsabbli għall-komunikazzjoni.

Read more in all languages

Cillian Lohan (l-Irlanda) se jkun wieħed miż-żewġ Viċi Presidenti tal-KESE għal mandat ta’ sentejn u nofs, minn Ottubru 2020 sa Marzu 2023. Huwa se jkun responsabbli għall-komunikazzjoni.

Wara l-ħatra tiegħu, Cillian Lohan, qal: “Qegħdin ngħixu fi żminijiet diffiċli, qed naffrontaw pandemija globali u l-effetti konsegwenzjali tagħha fuq l-ekonomiji tagħna, fi żmien meta jeħtieġ li ninvestu fi tranżizzjoni urġenti lil hinn minn dipendenza fuq sistemi tal-enerġija antikwati. Neħtieġu soluzzjonijiet li jagħtu riżultati għal kulħadd, u neħtieġu tmexxija li nistgħu nafdaw fiha.

“Il-KESE jippreżenta vuċi unika fuq il-mejda .... Il-messaġġi tagħna jridu jaslu għand l-istituzzjonijiet tal-UE b’mod b’saħħtu u ċar.

F'dan iż-żmien diffiċli, "il-KESE jista' jagħti valur miżjud, fis-sens li aħna nibnu konsensus fuq il-kontribut tagħna għall-politiki l-ġodda, u nidentifikaw lakuni fil-leġiżlazzjoni u nagħmlu proposti konkreti sabiex dawn jiġu indirizzati. Il-kontribut tagħna huwa r-riżultat ta’ ħidma bla heda fost il-persunal u l-membri tagħna sabiex nipproduċu perspettivi uniċi siewja li b’mod kritiku għandhom l-appoġġ ta’ dawn il-gruppi differenti tas-soċjetà ċivili kollha. Bħala Viċi President, il-prijorità tiegħi se tkun li nagħti viżibbiltà maġġuri lill-ħidma tagħna”, huwa enfasizza.

Membru tal-Grupp Diversità Ewropa maħtur bħala membru tal-KESE mis-settur ambjentali, Cillian Lohan ħadem fil-qasam tal-politika ambjentali fl-Irlanda mal-entità Irish Environmental Pillar, u serva bħala l-President tan-Network Ambjentali Irlandiż.

Huwa vuċi ewlenija fil-qasam tal-Ekonomija Ċirkolari u kien il-President inawgurali tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, li huwa għen sabiex tiġi stabbilita.

Huwa għandu esperjenza twila bħala delegat ta’ inizjattivi tan-Nazzjonijiet Uniti, bħan-negozjati tal-Konferenza tal-Partijiet dwar il-Klima, u l-Forum Politiku ta’ Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli.

Bħala Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Green Economy Foundation, Cillian Lohan issorvelja għadd ta’ proġetti ambizzjużi, fosthom it-tħawwil ta’ aktar minn miljun siġra fl-Irlanda u l-istabbiliment ta’ Riżerva Naturali f’Tobago.

Huwa se jieħu l-kariga bħala Viċi President għall-Komunikazzjoni wara mandat li fih huwa serva bħala kelliem għall-Kategorija tal-Konsumaturi u l-Ambjent tal-KESE.

Huwa kien ir-relatur ta’ bosta Opinjonijiet ewlenin, fosthom l-ewwel test komprensiv fil-livell istituzzjonali tal-UE dwar l-istabbiliment tal-prinċipji tal-Ġustizzja Klimatika: Il-Gustizza Klimatika, il-Pjani ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari tal-2015 u tal-2019, Involviment strutturat taż-Żgħażagħ, Dokument ta’ Riflessjoni “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030”, u Aċċess għall-finanzjament għall-klima. (mr)

Ara messaġġ b’vidjow mill-Viċi President tal-KESE għall-komunikazzjoni:

Giulia Barbucci: “Huwa essenzjali li tinżamm ġestjoni baġitarja soda u trasparenti”

It-trejdjunjonista Taljana Giulia Barbucci hija l-Viċi President l-ġdida tal-KESE b’responsabbiltà għall-baġit.

Read more in all languages

It-trejdjunjonista Taljana Giulia Barbucci hija l-Viċi President l-ġdida tal-KESE b’responsabbiltà għall-baġit.

“Ninsab kuntenta li nagħmel parti minn presidenza li żewġ terzi tagħha huma nisa”, qalet is-Sinjura Barbucci waqt is-sessjoni plenarja. “L-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadha kwistjoni miftuħa fil-KESE, l-istituzzjonijiet u l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.”

Giulia Barbucci ilha taħdem għas-CGIL (Confederazione Generale Italiana del Lavoro), l-akbar trejdjunjin fl-Italja, mill-1989. F’dan iż-żmien ta’ kriżi ekonomika, hija tqis li huwa essenzjali li tinżamm ġestjoni baġitarja soda u trasparenti, bi prijorità ewlenija waħda: li jiġi żgurat li l-membri jistgħu jwettqu l-ħidma politika tagħhom.

Ħidmet Giulia Barbucci minn dejjem iffokat fuq il-protezzjoni tal-ħaddiema taż-żewġ sessi. F’Lulju ta’ din is-sena kienet responsabbli għall-Opinjoni dwar Strateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li rrappreżentat il-kontribut tal-Kumitat għall-Kummissjoni Ewropea.

Fl-2002 ħadet sehem fin-negozjati dwar il-Qafas Ewropew dwar it-Teleħidma, li issa għandu jiġi rivedut minħabba l-pandemija. “Matul din il-kriżi tas-saħħa, in-negozji rnexxielhom jagħmlu li jistgħu, ta’ spiss mingħajr regoli ċari,” spjegat is-Sinjura Barucci. “L-impatt tat-telexogħol fuq in-nies u l-unitajiet domestiċi issa huwa enormi, madankollu, u n-nisa huma l-ewwel li jġorru l-konsegwenzi, peress li l-kompiti tagħhom jinkludu wkoll ix-xogħol ta’ kura. Għal din ir-raġuni huwa essenzjali li jiġi ssalvagwardjat id-dritt għall-iskonessjoni.” (na)

Ara messaġġ b’vidjow mill-Viċi President tal-KESE għall-baġit:

 

Renewal rate per country

Numru rekord ta’ membri ġodda u nisa jissieħbu fil-KESE

Il-mandat tal-KESE għall-2020-2025 għandu l-ogħla numru ta’ membri ġodda u nisa minn meta bdiet l-istatistika dwar is-sħubija fl-2010. Fil-Kumitat hemm l-ogħla perċentwal ta’ nisa minn qatt qabel: 33 % meta mqabbel ma’ 28 % fl-2015 u 24,70 % fl-2010. Malta għandha 40 % membri ġodda u 20 % membri nisa.

Read more in all languages

Il-mandat tal-KESE għall-2020-2025 għandu l-ogħla numru ta’ membri ġodda u nisa minn meta bdiet l-istatistika dwar is-sħubija fl-2010. Malta għandha 40 % membri ġodda u 20 % membri nisa.

Fil-Kumitat hemm l-ogħla perċentwal ta’ nisa minn qatt qabel: 33 % meta mqabbel ma’ 28 % fl-2015 u 24,70 % fl-2010. (ara l-graff 3)

Barra minn hekk, għall-ewwel darba fi 15-il sena, il-Kumitat il-ġdid se jkun immexxi minn mara, Christa Schweng tal-Awstrija mill-Grupp ta’ Min Iħaddem.

Il-pajjiżi bl-aktar membri nisa huma l-Estonja, b’85,71 %, u r-Repubblika Ċeka u l-Kroazja b’66,67 %. Fit-tarf l-ieħor tal-iskala, il-Portugall u Ċipru ma ħatru l-ebda mara. L-Iżvezja għandha bilanċ perfett bejn il-ġeneri. (ara l-graff 2)

B’mod ġenerali, seba’ pajjiżi (dawk diġà msemmija flimkien mal-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja u Franza) għandhom aktar nisa milli rġiel.

Mit-tliet gruppi li jiffurmaw il-KESE, il-Grupp tal-Ħaddiema għandu l-ogħla numru ta’ membri nisa (37,96 %), il-Grupp ta’ Min Iħaddem għandu l-inqas (28,30 %) u Diversità Ewropa bejniethom (32,17 %).

Qabel it-tiġdid tal-membri, fil-linji gwida tal-Kunsill tal-UE għall-Istati Membri ġiet enfasizzata l-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri. Filwaqt li l-Kunsill huwa formalment responsabbli għall-ħatra tal-membri tal-KESE, il-gvernijiet tal-Istati Membri ressqu l-ismijiet wara li semgħu lill-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet l-oħrajn tas-soċjetà ċivili.

B’137 membru ġdid minn total ta’ 329, il-KESE l-ġdid għandu l-ogħla perċentwal ta’ parteċipanti ġodda (41,64 %) mill-aħħar tliet termini, żieda minn 30 % fl-2010 u 40,29 % fl-2015. (ara l-graff 4)

Il-Latvja u l-Estonja għandhom l-ogħla rata ta’ tiġdid, b’ħames membri ġodda minn total ta’ sebgħa, u l-Bulgarija għandha l-aktar rata baxxa: tnejn biss minn 12. (ara l-graff 1)

 

Il-Grupp tal-Ħaddiema għandu l-inqas numru ta’ membri li qed iservu l-ewwel mandat tagħhom (39 minn 108) u Diversità Ewropa l-aktar (52 minn 115), filwaqt li l-Grupp ta’ Min Iħaddem jinsab bejniethom (46 minn 106).

F’termini ta’ età, l-iżgħar membru għandu 27 sena u l-ixjeħ 76 sena, l-età medja hija ta’ 55 sena.

Jekk wieħed iqabbel iċ-ċifri ma’ dawk tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni, – l-assemblej l-oħrajn tal-UE li jiġġeddu regolarment, għalkemm f’intervalli ta’ żmien differenti –, il-KESE bħalissa għandu perċentwal aktar baxx ta’ membri ġodda u nisa mill-PE (58,50 % u 40,40 % rispettivament), iżda ogħla mill-KtR (31 % u 29,10 %). (dm)

Ir-rappreżentanti tal-Grupp ta’ Min Iħaddem, tal-Grupp tal-Ħaddiema u ta’ Diversità Ewropa tal-KESE jagħżlu l-mexxejja l-ġodda tagħhom

It-tliet gruppi ta’ interess li jiffurmaw il-KESE ħatru l-presidenti l-ġodda tagħhom għall-mandat il-ġdid fil-jum tal-ftuħ tas-sessjoni plenarja inawgurali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Read more in all languages

It-tliet gruppi ta’ interess li jiffurmaw il-KESE ħatru l-presidenti l-ġodda tagħhom għall-mandat il-ġdid fil-jum tal-ftuħ tas-sessjoni plenarja inawgurali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Il-presidenti l-ġodda tal-Gruppi huma:

  • Stefano Mallia għall-Grupp ta’ Min Iħaddem
  • Oliver Röpke għall-Grupp tal-Ħaddiema
  • Séamus Boland għall-Grupp Diversità Ewropa.

Dawn se jibqgħu fil-kariga għas-sentejn u nofs li ġejjin sal-2023.

Il-votazzjoni seħħet matul il-laqgħat kostituttivi tal-Gruppi li saru b’mod parallel għall-plenarja.

Stefano Mallia ilu membru tal-KESE sa mill-2010. L-enfasi ċara tal-presidenza tiegħu tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE se tkun l-għajnuna lin-negozji biex jissuperaw il-kriżi tal-COVID-19 u jibnu rkupru msejjes fuq it-tagħlimiet ibsin li slitna f’dawn l-aħħar xhur. Prijoritajiet oħrajn se jinkludu t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar nadifa, li trid issir b’mod ekonomikament sostenibbli, u d-diġitalizzazzjoni. Is-Sur Mallia jenfasizza li l-KESE u l-Grupp ta’ Min Iħaddem għandhom ikunu msieħba naturali tal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mad-diskussjoni dwar l-ekonomija Ewropea. Is-Sur Mallia huwa msieħeb tal-kumpanija tal-analiżi ekonomika u konsulenza tan-negozji, EMCS Ltd, u eks President tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija. L-oqsma ta’ kompetenza tiegħu jinkludu l-Fondi Strutturali tal-UE u l-finanzjament tal-SMEs.

Oliver Röpke diġà kien president u ġie elett għall-ewwel darba f’nofs il-mandat li għadda biex issostitwixxa lil Gabriele Bischoff meta saret MEP fl-2019. Membru tal-Federazzjoni Awstrijaka tat-Trade Unions ÖGB, li jirrappreżentaha fil-kumitat eżekuttiv tal-KETU, ilu jservi fil-KESE mill-2009, u ppreżenta Opinjonijiet dwar kwistjonijiet soċjali kruċjali bħall-pagi minimi deċenti u l-istandards minimi komuni fil-qasam tal-benefiċċji tal-qgħad. Is-Sur Röpke huwa impenjat għal strateġija b’saħħitha tal-UE għall-irkupru soċjali u l-bini mill-ġdid biex jiġi indirizzat l-impatt tal-COVID-19, filwaqt li jiffoka fuq is-solidarjetà u aġenda soċjali b’miżuri li jħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema.

Il-faqar u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiġġilduh se jkun il-punt fokali tal-ewwel mandat ta’ Séamus Boland bħala president tal-Grupp Diversità Ewropa, li jiġbor flimkien varjetà wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-President il-ġdid irid jindirizza l-kwistjoni fil-kuntest usa’ tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-impatt tal-COVID-19 fuq is-soċjetà. Bidwi u attur tas-soċjetà ċivili għal żmien twil, is-Sur Boland huwa l-uffiċjal kap eżekuttiv tal-Irish Rural Link, membru tal-bord ta’ Inland Fisheries Ireland u l-president ta’ Peatlands Council. Huwa ilu membru tal-KESE mill-2011 u relatur ta’ diversi Opinjonijiet tal-KESE b’rabta mal-agrikoltura, l-iżvilupp rurali, l-enerġija, l-affarijiet soċjali u l-Brexit.

Għal aktar informazzjoni żur il-paġni tal-Gruppi:

Stefano Mallia jassumi r-rwol bħala president tal-Grupp ta’ Min Iħaddem

Oliver Röpke se jissokta bħala President tal-Grupp tal-Ħaddiema matul il-mandat il-ġdid tal-KESE

Séamus Boland mill-Irlanda huwa l-President il-ġdid tal-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE

Il-Presidenza tal-KESE u l-Presidenti tal-Gruppi u tas-Sezzjonijiet 2020-2023

Ara hawn taħt l-organigramma l-ġdida tal-Presidenza tal-KESE u l-Presidenti tal-Gruppi u tas-Sezzjonijiet 2020-2023

Read more in all languages

President


 Christa Schweng


Viċi Presidenti

Cillian Lohan
Viċi President tal-KESE/President tal-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni

Giulia Barbucci
Viċi President tal-KESE/President tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Baġitarji

 
Presidenti tal-Gruppi

Stefano Mallia
President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem

Oliver Röpke
President tal-Grupp tal-Ħaddiema

Séamus Boland
President tal-Grupp Diversità Ewropa.

 
Presidenti tas-Sezzjonijiet

Stefano Palmieri
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (ECO)

Alain Coheur
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum (INT)

Dimitris Dimitriadis
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni (REX)

Peter Schmidt
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent (NAT)

Aurel Laurenţiu Plosceanu
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza (SOC)

Baiba Miltoviča
Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (TEN)

Pietro Francesco De Lotto
Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Editur

Ewa Haczyk-Plumley (editor-in-chief)
Daniela Marangoni (dm)

Il-kontributuri għal din l-edizzjoni huma

Daniela Marangoni (dm)
David Gippini Fournier (dgf)
Ewa Haczyk - Plumley (ehp)
Laura Lui (ll)
Margarida Reis (mr)
Nicola Accardo (na)

Koordinazzjoni globali

Agata Berdys (ab)
Katerina Serifi (ks)

Indirizz

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Bini Jacques Delors, 99 Rue Belliard, B-1040
Brussell, il-Belġju
Tel. (+32 2) 546.93.96 jew 546.95.86
Indirizz elettroniku: eescinfo@eesc.europa.eu

KESE info huwa ppubblikat disa’ darbiet fis-sena matul is-sessjonijiet plenarji tal-KESE. KESE info huwa disponibbli fi 23 lingwa. Il-KESE Info ma tistax titqies bħala r-rapport uffiċjali tal-ħidmiet tal-KESE; għal dawn, jekk jogħġbok irreferi għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew għal pubblikazzjonijiet oħrajn tal-Kumitat. Ir-riproduzzjoni hija permessa jekk il-KESE Info jissemma bħala s-sors u tintbagħat link lill-editur.
 

November 2020
11/2020

Follow us

  • Facebook
  • Twitter
  • LinkedIn
  • Instagram