European Economic
and Social Committee
Cillian Lohan, Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni
Spiss naħseb li jekk l-affarijiet ikunu faċli wisq allura ma nkunx qed nisfida lili nnifsi biżżejjed. Iżda l-objettiv tagħna meta noħolqu sistemi li jiffunzjonaw huwa li niżguraw li l-affarijiet ikunu faċli – jaħdmu b’mod effettiv u jiffunzjonaw bla xkiel. Id-distinzjoni li nagħmel hija li l-proċessi għandhom ikunu faċli u l-kontenut għandu jkun ta’ sfida.
Dejjem kien ta’ sodisfazzjon għalija meta sibt mod biex il-ħidma tiegħi fi ħdan il-KESE tkun ta’ sfida, biex imbagħad ninduna li huwa proprju f’dak il-punt li jinstabu soluzzjonijiet siewja.
Fil-bidu tal-kariga tiegħi bħala membru, il-proċessi u l-modi ta’ ħidma kienu jikkonfonduni – ibda biex insib il-kamra ta’ laqgħa t-tajba sa li nkun naf meta għandi nagħfas il-buttuna biex nitkellem f’laqgħa.
Kull min jibda mandat ġdid dejjem idum ftit laqgħat qabel ma jidra. Ir-ripetizzjoni twassal għall-familjarità. U, bla dubju, il-waqfiet għall-kafè u li tiltaqa’ mal-kollegi fil-kuruturi huma sors prezzjuż ta’ għarfien u informazzjoni dwar kif imorru l-affarijiet!
Peress li dawn il-modi tas-soltu li jgħinuna nidraw l-ambjent il-ġdid tagħna ma kienux possibbli, il-bidu ta’ dan il-mandat kien differenti. Lanqas biss huwa ċar min ġie lura u min m’għadux preżenti. Mhuwiex faċli għall-membri l-ġodda biex jidraw kif jiffunzjona l-KESE u biex jifhmu d-dinamika tiegħu.
Indunajna li nistgħu naħdmu mill-bogħod. Iżda bl-istess mod sirna napprezzaw il-vantaġġ miżjud li niltaqgħu wiċċ imb wiċċ. Nixtieq nirringrazzja lill-persunal tekniku fil-Kumitat tagħna. Dawn tqiegħdu fil-qalba tas-sitwazzjoni bħala ħaddiema kruċjali għall-iffaċilitar tal-ħidma kontinwa tagħna.
Il-proċess mexa bla xkiel u b’mod effettiv bis-saħħa tagħhom u għenuna naħdmu b’dan il-mod ġdid.
Il-fatt li qed naħdmu mill-bogħod, konnessi mill-uffiċċji fi djarna jew mill-kċina jew is-salott qarribna aktar b’xi mod. Fakkarna li fl-aħħar mill-aħħar ilkoll kemm aħna qed naħdmu f’dan l-ambjent u qed nippruvaw nagħmlu l-almu tagħna.
Ninsab ċert li meta nirrotornaw fil-kmamar tal-JDE għal darb’oħra se nagħmlu dan b’apprezzament ġdid, u nispera b’empatija ikbar għal xulxin, hekk kif nistinkaw biex nipproponu kontenut ta’ siwi fil-livell tal-UE.