European Economic
and Social Committee
Lutz Ribbe: Il-kriżijiet tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli
Fi Frar 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-“pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija” tagħha, “qafas strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar il-bidla fil-klima li tħares ’il quddiem”. Kien hemm ħafna proposti tajbin; saru diversi wegħdiet, inkluż tnaqqis tad-dipendenza mill-importazzjoni, tiġi estiża b’mod konsistenti l-enerġija rinnovabbli, u li l-Ewropa ssir mexxejja dinjija fl-enerġija rinnovabbli. Ġie sostnut ukoll li ċ-ċittadini għandhom jitqiegħdu fil-qalba tal-politika...
Kieku ħdimna b’mod konsistenti biex nimplimentaw dawn il-proposti, kieku llum mhux qed naffaċċjaw din il-kriżi hekk kbira. Madankollu, l-Istati Membri dehru li kienu sodisfatti bil-politiki antiki tagħhom: il-Ġermanja ppermettiet lilha nnifisha li tiġi mgħomija mill-fjuwils fossili rħas ta’ Putin, sa anke ddikjarat li l-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli kienet “rapida wisq”. L-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli ġiet limitata, u b’riżultat ta’ dan l-industrija tal-enerġija mir-riħ soffriet kollass kbir, b’telf ta’ madwar 40 000 impjieg. Il-Polonja qed tonqos milli tieħu azzjoni u titbiegħed mill-faħam, u Franza qed tkompli toħlom dwar l-allegati benefiċċji tal-industrija nukleari; ir-realtà madankollu hija iktar imwiegħra, peress li minħabba t-tibdil fil-klima aktar minn nofs ir-reatturi Franċiżi kellhom jitneħħew mill-grilja minħabba problemi tekniċi u nuqqas ta’ ilma għat-tkessiħ. Id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija qatt ma kienet daqshekk kbira daqs kemm kienet fl-2021, u n-nefqa tagħna fir-riċerka u l-iżvilupp għal teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima hija fost l-aktar baxxa fid-dinja.
Hemm żewġ għażliet reali sabiex insolvu l-problema tal-enerġija li għandna bħalissa u fl-istess ħin nindirizzaw it-tibdil fil-klima: iffrankar ħafna aktar konsistenti u espansjoni tassew massiva tal-enerġiji rinnovabbli. Hemm potenzjal enormi li nwettqu t-tnejn li huma. Mil-lat pożittiv, ir-riżorsi domestiċi tagħna tar-riħ u tax-xemx jipprovdu elettriku ħafna orħos minn dak li ġej mill-impjanti tal-enerġija (attwali) li jaħdmu bil-fjuwils fossili li għadhom ssussidjati ħafna u dawk nukleari.
Għalhekk, jeħtieġ li jinbnew bosta strutturi tal-produzzjoni ġodda u deċentralizzati, kif ukoll jinħolqu partijiet ikkonċernati ġodda li għandhom ikunu s-sinsla tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Dan għaliex it-tranżizzjoni tal-enerġija teħtieġ aċċettazzjoni soċjali, u dan jista’ jinħoloq biss jekk in-nies jiġu involuti. 90 % tal-impjanti tal-enerġija ekoloġika fil-Ġermanja, pereżempju, huma ta’ ċittadini privati, bdiewa, kooperattivi, SMEs u utilitajiet muniċipali, u mhux ta’ kumpaniji kbar tal-utilitajiet tal-enerġija. Madankollu, ftit li xejn hemm evidenza ta’ kwalunkwe strateġija biex ġenwinament jiġi appoġġat l-involviment tas-soċjetà ċivili sabiex jiżdied il-potenzjal tal-produzzjoni u l-użu tal-enerġija deċentralizzata għall-impjiegi, u biex tiġi żgurata s-sjieda pubblika tat-tranżizzjoni tal-enerġija u l-parteċipazzjoni fiha billi jiġu promossi l-prosumaturi u l-enerġija ċivika. Se nħallsu prezz qares ta’ dan issa u fix-xhur li ġejjin. Sfortunatament, anke l-klima tagħna se tħallas għal dan.
Lutz Ribbe, President tal-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli, membru tal-KESE