Il-KESE ilu għal snin fuq quddiem fil-promozzjoni ta’ politika komprensiva tal-UE dwar l-ikel, bil-għan li jiġu pprovduti dieti tajbin għas-saħħa minn sistemi sostenibbli tal-ikel, tiġi stabbilita rabta bejn l-agrikoltura u n-nutrizzjoni u s-servizzi tal-ekosistema, u jiġu żgurati ktajjen ta' provvista li jipproteġu s-saħħa pubblika għas-soċjetà Ewropea kollha.

Fil-fehma tal-Kumitat, l-istrateġija proposta ta’ ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ ma tirriflettix biżżejjed dawn l-għanijiet.

Għodda kruċjali biex titwettaq din l-istrateġija huwa l-baġit tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), peress li jirrappreżenta 40 % tal-infiq totali tal-UE. Għalhekk, il-baġit tal-PAK għandu jiġi miżjud biex ikun konformi ma’ dawn l-għanijiet.

L-istrateġija ma tindirizzax lanqas il-kwistjoni dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-art u dwar l-aċċess għall-art, wieħed mill-ostakli ewlenin għat-tiġdid tal-popolazzjoni fis-settur agrikolu. Fl-istess ħin il-funzjoni ta’ appoġġ għall-introjtu tal-pagamenti tal-PAK hija essenzjali u se tibqa’ hekk għas-snin li ġejjin, anke jekk jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-prezzijiet tal-ikel ikunu jirriflettu l-ispejjeż veri tal-produzzjoni.

Tħassib ieħor ewlieni għall-bdiewa tal-UE huwa dak li jkollhom jikkompetu ma’ prodotti importati li ma jilħqux il-miri stabbiliti għas-sostenibbiltà. Għalhekk, il-Kumitat iħeġġeġ lill-UE biex fil-ftehimiet ta’ kummerċ preferenzjali tiżgura standards li tassew ikunu reċiproċi.

L-Ewropa u d-dinja għad iridu jagħmlu ħafna iktar biex isiru sostenibbli għal kollox. L-Ewropa għandha l-għodod u l-għarfien espert biex tasal. Ejjew nagħtu prova li għandna wkoll ir-rieda politika u l-impenn meħtieġa, u nuru t-triq lill-oħrajn. (mr)