Mill-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE

Minn Simo Tiainen, membru tal-Grupp Diversità Ewropa li jirrappreżenta lill-Għaqda Ċentrali tal-Produtturi Agrikoli u s-Sidien tal-Foresti (MTK) tal-Finlandja

Bilanċ ekonomiku, soċjali u reġjonali aħjar fl-Ewropa u l-kompetittività tal-industriji u n-negozji tal-UE, inkluża l-biedja, jridu jibqgħu prijoritajiet tal-politiki tal-UE. Il-kompetittività tagħna għandha tkun ibbażata fuq il-produzzjoni sostenibbli, l-impjieg u t-tkabbir ekonomiku. Hija biss Ewropa b’saħħitha ekonomikament li tista’ tassumi rwoli ta’ tmexxija u responsabbiltà. Fin-negozjati kummerċjali, il-prinċipji tal-produzzjoni tal-ikel Ewropej, bħas-sostenibbiltà, l-istandards għolja, u s-sigurtà alimentari, ma għandhom qatt jiġu kompromessi.

Il-biedja hija ta’ importanza ewlenija għall-isfidi strateġiċi, ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-ġejjieni. L-Ewropej iridu jkomplu jieklu ikel sostenibbli u sikur. Huwa għalhekk li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) għandha tiggarantixxi l-provvista ta’ ikel sikur u tajjeb għas-saħħa, il-protezzjoni tal-ambjent u tal-kampanja, it-trattament xieraq tal-annimali, miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u adattament għalih, l-għajxien tal-bdiewa u l-vijabbiltà taż-żoni rurali. L-UE għandha tiddefendi l-mudell agrikolu Ewropew ibbażat fuq il-prinċipji tas-sovranità u s-sostenibbiltà tal-ikel. Il-PAK għandha tiġi ssimplifikata u għandu jkun hemm inqas burokrazija u aktar sussidjarjetà.

Fl-aħħar nett, il-politiki tal-UE għandhom jsaħħu l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. L-UE teħtieġ strateġija għall-foresti b’saħħitha li tqis id-dimensjonijiet kollha tas-sostenibbiltà. Din tagħmilha possibbli li jitkabbru aktar injam u prodotti oħra fl-Ewropa, u tista’ tkun ta’ kontribut sinifikanti għall-iżvilupp ta’ tip ġdid ta’ bijoekonomija, għan-newtralità tal-karbonju u għall-impjiegi u t-tkabbir. Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-bjar tal-karbonju meħtieġa, u l-ħtieġa li tiġi ppreservata l-bijodiversità huma kompatibbli bis-sħiħ ma’ xulxin.