L-aġenda urbana u territorjali riveduta l-ġdida tal-UE trid tindirizza l-effetti tal-kriżi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, u l-politika ta’ koeżjoni tista’ tkun l-għodda ġusta biex jiġi indirizzat l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa. F’żewġ Opinjonijiet adottati fil-plenarja ta’ Settembru, il-KESE jeżamina l-politiki territorjali tal-UE u jistabbilixxi triq ’il quddiem.

Fl-ewwel Opinjoni, Petr Zahradník u Roman Haken jiffukaw fuq ir-reviżjoni tal-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli u japprovaw is-sejħiet li saru fl-Aġenda Territorjali l-ġdida għall-2030 għal Ewropa ġusta u ekoloġika u għal dimensjoni territorjali aktar robusta fil-politiki kollha u fil-livelli kollha ta’ governanza.

Fil-livell lokali, il-kelmiet ewlenin għall-ġejjieni għandhom ikunu l-integrazzjoni, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-bliet u r-reġjuni. Waqt li tkellem fis-sessjoni plenarja, Petr Zahradník qal: “Il-potenzjal għall-implimentazzjoni ta’ proġetti integrati fl-iżvilupp territorjali u urban huwa enormi u l-istess huma l-benefiċċji assoċjati ma’ dan l-approċċ f’termini ta’ sinerġija tal-effetti, l-iffrankar tal-ispejjeż u l-ħolqien ta’ konnessjonijiet funzjonali.”

B’żieda ma’ dan, Roman Haken iddikjara: “Meta jitqiesu l-effetti tat-tibdil fil-klima, l-użu tar-riżorsi u l-ħtieġa li jitnaqqsu r-riskji ambjentali, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-bliet u r-reġjuni ma jistgħux jiġu indirizzati separatament. Għal din ir-raġuni, l-Aġenda Urbana għandha tkun ikkoordinata mill-qrib kemm jista’ jkun mal-politika ta’ koeżjoni territorjali.”

Għalhekk il-koeżjoni hija vitali; dan jinsab wkoll fil-qalba ta’ Opinjoni abbozzata minn Gonçalo Lobo Xavier, li fiha l-KESE jgħid li din tista’ tkun l-għodda ideali biex jiġu indirizzati l-ħafna sfidi li ġġib magħha l-pandemija tal-coronavirus u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni. “Irridu naġixxu b’mod urġenti u nirreaġixxu malajr; il-mezzi finanzjarji biex jgħinu u jappoġġjaw lill-Istati Membri għandhom jintużaw b’konformità mal-kriterji rilevanti, iżda wkoll b’kuraġġ”, qal is-Sur Lobo Xavier. “Aktar minn qatt qabel, l-Ewropa teħtieġ approċċ differenzjat għal sfida waħda.” (mp)