Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) laqa’ l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-futur taż-żona Schengen, imressqa mill-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, wissa li l-UE u l-Istati Membri huma obbligati jirrispettaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE u dawk nazzjonali, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, u l-politiki dwar il-migrazzjoni u l-ażil.

Is-sejħa tiegħu għal azzjoni fl-Opinjoni dwar l-istrateġija l-ġdida, adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Ottubru, qed tasal wara rapporti inkwetanti dwar ksur tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni tal-UE, li l-KESE jqis li huma ta’ tħassib kbir immens.

Qed nitolbu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta biex jimmonitorjaw u jsolvu dawn il-kwistjonijiet inkwetanti u biex isegwu r-rapporti ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mingħajr dewmien,” qal ir-relatur għall-Opinjoni, Ionuţ Sibian.

Il-KESE nnota li f’dawn l-aħħar snin, iż-żona Schengen iffaċċjat xi sfidi qawwija għall-implimentazzjoni konsistenti tagħha. Il-kriżi tar-refuġjati tal-2015 kixfet nuqqasijiet fl-approċċ tal-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-migrazzjoni, filwaqt li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal rikostituzzjonijiet temporanji tal-fruntieri interni. It-tfixkil fiż-żona Schengen ikkawża ħsara lin-negozji, lill-ħaddiema, lill-komunitajiet tal-fruntieri u lill-kooperazzjoni transfruntiera.

Il-KESE enfasizza li l-Kummissjoni għandha timmonitorja u tivvaluta b’mod regolari u bir-reqqa l-ħtieġa u l-firxa ta’ dawn ir-rikostituzzjonijiet, filwaqt li tieħu azzjoni meta jkun meħtieġ.

Fl-Opinjoni, il-Kumitat ħeġġeġ ukoll lill-Kunsill biex jieħu azzjoni rapida biex tintemm l-esklużjoni kontinwa tal-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija mill-applikazzjoni sħiħa tat-Trattat ta’ Schengen.

“In-nies f’Ċipru, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Kroazja għadhom ma jgawdux bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE peress li huma esklużi miż-żona Schengen. Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni tagħhom. Dawn il-pajjiżi huma ħerqana li jieħdu sehem, u l-Bulgarija, il-Kroazja u r-Rumanija diġà jikkontrollaw il-fruntieri esterni tagħhom f’konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen,” qal is-Sur Sibian.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-aġġornar tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen biex jinkludi t-tagħlimiet meħuda mill-pandemija. Huwa jappella wkoll għat-tisħiħ tal-Forum Konsultattiv dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata permezz tal-KESE. (ll)