European Economic
and Social Committee
Inreġġgħu lura x-xejriet negattivi fl-istat tad-dritt fl-UE kollha permezz tas-soċjetà ċivili
Il-konferenza dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt organizzata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħarġet fid-dieher ksur serju u xejriet negattivi fl-erba’ oqsma koperti mill-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istat tad-Dritt (il-ġustizzja, il-korruzzjoni, il-mezzi ta’ komunikazzjoni u s-sistemi ta’ kontrokontrolli). Il-KESE enfasizza li s-soċjetà ċivili hija attur dinamiku fid-difiża ta’ dan il-prinċipju fundamentali tal-UE.
Il-President tal-Grupp dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt tal-KESE, Cristian Pîrvulescu, enfasizza r-rwol tas-soċjetà ċivili: “Aħna ma ndurux fuq ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili sempliċement minħabba kwistjoni ta’ prinċipju, aħna nagħtu widen lis-soċjetà ċivili għax il-kontribut tagħha huwa essenzjali għal dawn il-kwistjonijiet kruċjali.”
Giulia Barbucci, Viċi President tal-KESE, stqarret li “ir-reazzjonijiet legali u politiċi tal-UE ma jistgħux ikunu awtonomi. Irridu wkoll ninvolvu aħjar lill-atturi tas-soċjetà ċivili peress li huma l-pont bejn l-aspettattivi tal-popolazzjoni ġenerali u l-istituzzjonijiet”.
Madankollu, il-kriżi attwali tas-saħħa u l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet amplifikaw l-isfidi li diġà jeżistu f’dan il-qasam. Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt ta’ Lulju 2021 enfasizza dawn ix-xejriet negattivi, iżda wkoll xi żviluppi pożittivi f’ċerti Stati Membri.
Gašper Dovžan, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin fis-Slovenja, żied jgħid li “ir-rispett għall-istat tad-dritt ma għandu qatt ikun soġġett għal dilemma jew jisfa vittma ta’ kwalunkwe kriżi.”
Madankollu, “għad fadal ħafna xi jsir u t-triq quddiemna hija twila” kif qal Matthew Caruana Galizia. Ommu, Daphne Caruana Galizia, ġurnalista Maltija, inqatlet waqt li kienet qed tinvestiga l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata. “Sfortunatament ommi hija eżempju ċar ta’ kif in-nuqqasijiet serji tal-istat tad-dritt u l-korruzzjoni mifruxa mhumiex delitti mingħajr vittmi.”
Kien hemm qbil fost il-parteċipanti li l-istat tad-dritt kien vitali għall-funzjonament tal-UE kollha kemm hi, inklużi l-kredibbiltà, ir-reżiljenza u l-fiduċja reċiproka tagħha.
Kif qalet Debbie Kohner min-Network Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-erba’ pilastri kollha koperti mill-Mekkaniżmu Ewropew għall-Istat tad-Dritt – is-sistema ġudizzjarja, il-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni, l-oqfsa kontra l-korruzzjoni u sistemi ta’ kontrokontrolli oħrajn – huma marbutin flimkien.
Nicole Romain mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali enfasizzat ukoll li l-atturi istituzzjonali kollha għandhom jagħmlu sforzi akbar biex jikkomunikaw id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt lill-popolazzjoni ġenerali.
Eszter Nagy mill-Federalisti Ewropej insistiet li wasal iż-żmien li l-UE tagħmel użu sħiħ mill-għodod kollha tagħha, l-ewwel nett bil-kundizzjonalità tal-baġit tal-istat tad-dritt. (at)