Mistoqsija tal-KESE: “X’inhi l-pożizzjoni tal-Kumitat dwar il-proposta tal-Grupp tal-Euro u l-proposti leġiżlattivi sussegwenti dwar l-unjoni bankarja? B’mod partikolari, x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar l-immaniġġjar tal-kriżijiet u l-garanziji tad-depożiti?”

Giuseppe Guerini: Fit-18 ta’ April 2023, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-pakkett dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni tad-depożiti, li għandu l-għan li jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim ta’ riżoluzzjoni għal banek żgħar u ta’ daqs medju, jippreserva l-istabbiltà finanzjarja, jipproteġi lill-kontribwenti u lid-depożitanti, u jappoġġja l-ekonomija reali u l-kompetittività tagħha.

L-Opinjoni tal-KESE, li ntalbet mill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill, tapprova l-proposta tal-Kummissjoni, iżda tenfasizza l-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn il-flessibbiltà u l-prevedibbiltà bħala rispons għall-kriżijiet bankarji.

Kif iddikjarat fl-Opinjoni, il-kriżijiet bankarji reċenti xeħtu dawl fuq l-importanza ta’ azzjoni rapida u flessibbli, u t-trasferiment ta’ bank f’diffikultà għal bank b’saħħtu f’perjodu qasir ta’ żmien.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjoni u r-rekwiżiti kapitali tagħha għal banek iżgħar u lokali, peress li dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq dawn l-entitajiet.

Minn issa ’l quddiem, valutazzjoni tal-interess pubbliku msaħħa, li se tiddetermina jekk ir-reġim ta’ riżoluzzjoni huwiex applikabbli, trid tkun ibbilanċjata b’mod tajjeb u tiggarantixxi applikazzjoni proporzjonata, waqt li timminimizza l-inċertezza dwar kif se tissolva kriżi.

Għandha tinkiseb proċedura pragmatika u flessibbli f’termini tal-approċċ regolatorju, l-għodod li għandhom jintużaw u l-ħeffa tal-eżekuzzjoni, l-implikazzjonijiet tar-rispons, il-kooperazzjoni fost il-partijiet interessati, u n-natura tar-riżorsi użati. Dan se jipprevjeni ħsara lill-interessi ta’ banek iżgħar, speċjalment banek lokali, u jipproteġi aħjar l-ekosistema ekonomika fejn joperaw.

L-Iskema Ewropea ta’ Garanzija tad-Depożiti hija essenzjali għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja, u l-użu tal-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti u l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni huma passi lejn il-kisba tagħha. Madankollu, sakemm din issir realtà, l-ineffiċjenzi se jkomplu jeżistu u s-swieq se jibqgħu frammentati.