L-ilma huwa dritt tal-bniedem u fundamentali għall-aspetti kollha tal-ħajja. Ilna żmien twil nieħdu l-aċċess għall-ilma bħala fatt fl-Ewropa.

Iżda d-dinja qed tiffaċċja kriżi tal-ilma u l-kontinent tagħna mhuwiex eċċezzjoni. Ir-rapporti reċenti juru li l-Unjoni Ewropea mhijiex fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli relatati mal-ilma. Madwar 30 % tal-popolazzjoni tal-UE hija affettwata minn xi forma ta’ stress idriku. Is-sajf li għadda, l-Ewropa esperjenzat l-aktar nixfiet severi f’dawn l-aħħar 500 sena. In-nuqqas ta’ aċċess għall-ilma u s-sanità ta’ kwalità tajba u affordabbli – il-faqar tal-ilma – hija esperjenza ta’ kuljum għal miljuni ta’ ċittadini tal-UE.  

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-approċċ attwali tal-UE għall-politiki dwar l-ilma huwa frammentat u ma jindirizzax b’mod suffiċjenti l-isfidi li qed niffaċċjaw. Wasal iż-żmien għal bidla fl-iskala, kif seħħ xi snin ilu fir-rigward tal-politiki dwar il-klima. Huwa għalhekk li l-KESE għażel l-ilma bħala l-pakkett trasversali tiegħu dis-sena u se jappella għal Patt Blu tal-UE, strateġija komprensiva biex jiġu indirizzati l-isfidi kollha fir-rigward tal-ilma fil-ġejjieni. L-ilma huwa vitali, u għaldaqstant ma jistax jibqa’ jiġi trattat bħala wieħed mill-pilastri tal-Patt Ekoloġiku tal-UE. Jistħoqqlu politika dedikata għalih biss.

Fis-sezzjonijiet tiegħu, il-KESE qed jaħdem fuq sett ta’ Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja, li jkopru l-aspetti ekonomiċi, soċjali, ambjentali u ġeopolitiċi tal-isfidi tal-ilma. Aħna nanalizzaw l-impatti ta’ dawn l-aspetti fuq l-agrikoltura, l-industriji, l-infrastrutturi u l-konsum sostenibbli, nenfasizzaw il-ħtieġa għal prospettiva fl-UE dwar l-ilma u l-ħtieġa għal data affidabbli, u nappellaw għal finanzjament adegwat.  

Nemmnu li hemm bżonn li l-ilma jiġi integrat aħjar fil-politiki kollha tal-UE, inkluża l-politika industrijali tal-UE. L-UE għandha wkoll l-opportunità li tkun minn ta’ quddiem f’dan il-qasam. Biex tappoġġja t-trasformazzjoni tas-soċjetà tagħna, l-Ewropa trid issir il-mexxej dinji fit-teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-ilma. Dawn huma parti importanti mis-soluzzjoni għas-soċjetà kollha u jagħmlu l-agrikoltura u l-konsum pubbliku u privat aktar effiċjenti fl-ilma u sostenibbli, u jikkontribwixxu għall-kompetittività tagħna u l-impjieg futur.

L-għan tagħna huwa li l-Kummissjoni Ewropea tadotta l-ilma bħala waħda mill-prijoritajiet politiċi tagħha fil-mandat li jmiss. Fis-26 ta’ Ottubru, il-KESE se jadotta t-talba tiegħu għal Patt Blu tal-UE u se jwassal proposti konkreti u sinifikanti għal strateġija Ewropea ġdida dwar l-ilma.

Iżda ma nistgħux niksbu dan waħedna. Il-KESE qed jaħdem mill-qrib mal-partijiet interessati u l-istituzzjonijiet ewlenin għal politika ambizzjuża dwar l-ilma għall-Ewropa. Aħna se nimmonitorjaw l-adozzjoni tal-proposti tagħna u niżguraw li jkun hemm azzjonijiet ta’ segwitu fix-xhur u fis-snin li ġejjin dwar dan is-suġġett li għandu impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kull ċittadin. Nistiednek tingħaqqad magħna u tappoġġjana fit-talba tagħna għal Patt Blu tal-UE.

Pietro De Lotto Il-President tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali