Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Protokoll dwar il-progress soċjali li jkun minqux fid-dritt fundamentali tal-UE se jindirizza l-aspettattivi tal-ħaddiema dwar protezzjoni soċjali b’saħħitha mill-Ewropa.

Il-pagi deċenti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tajba huma dritt bażiku għal kulħadd. L-iżgurar ta’ dan id-dritt fundamentali huwa essenzjali biex jintlaħaq progress fis-soċjetà. Huwa l-pedament ta’ ekonomija soċjali tas-suq soda mmirata lejn progress permezz ta’ kisbiet ekonomiċi u ta’ kompetittività, waqt li fl-istess ħin jiġu stabbiliti politiki soċjali li jiżguraw il-progress soċjali u l-valuri demokratiċi. It-tnejn ma jistgħux jinfirdu: dan kien wieħed mit-tħassib ewlieni li wrew il-ħaddiema u ċ-ċittadini matul il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Meta n-nies jisimgħu dwar is-suq uniku, huma jistaqsu kif dan se jtejjeb il-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Huma jridu protezzjoni soċjali robusta, introjtu minimu, djalogu soċjali aktar b’saħħtu u negozjar kollettiv, opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol - inkluż it-tmiem tad-dumping soċjali - politiki tat-tassazzjoni ġusta, akkomodazzjoni affordabbli u ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Protokoll dwar il-progress soċjali jipprovdi tweġiba tanġibbli għal dan it-tħassib ġenwin, jippromovi u jipproteġi l-ogħla standards tad-drittijiet soċjali u jipprevjeni kwalunkwe rigress jew ċirkomvenzjoni.

Fi żmien meta d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija qed jiġu kkontestati dejjem aktar, l-UE teħtieġ tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha lejn dawn il-valuri fundamentali billi tqiegħed l-Ewropa Soċjali fil-qalba tal-ambizzjonijiet tagħha. In-nies irid ikollhom moħħhom mistrieħ li d-drittijiet soċjali tagħhom mhux se jitwarrbu minħabba d-dinamika ekonomika u tas-suq, kif ġara bil-miżuri ta’ awsterità li ttieħdu b’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja tal-2008.

  • Ara wkoll “Il-KESE jappoġġja t-talbiet biex tingħata prijorità lid-drittijiet soċjali fundamentali fuq il-libertajiet ekonomiċi skont il-liġi tal-UE” (hawn fuq).