Il-Kunsill ikun jista’ jgħin biex jiġu indirizzati l-ħafna kriżijiet li bħalissa qed jaffettwaw is-sistemi tal-ikel u jantiċipa l-isfidi futuri li ser jinqalgħu bl-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE.

Is-sistema tal-ikel tal-Unjoni Ewropea bħalissa qed tiffaċċja kriżijiet multipli hekk kif tindirizza sfidi ambjentali, klimatiċi, tas-saħħa u soċjali. Il-prospett tal-adeżjoni futura tal-Ukrajna wkoll iqajjem kwistjonijiet u huwa mistenni li tkun meħtieġa riforma tal-PAK. Sabiex dawn il-bidliet jiġu ffaċċjati bl-aħjar mod possibbli, il-KESE qed jipproponi l-ħolqien ta’ Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel, fiż-żmien li jwassalna sal-Qafas għal Sistemi tal-Ikel Sostenibbli.

Il-Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel jista’ jgħin fl-aċċellerazzjoni tal-konverġenza tal-politiki tal-UE, nazzjonali u lokali. L-aktar importanti, jista’ jgħin biex titjieb il-politika tal-UE dwar l-ikel. Ir-relatur tal-Opinjoni, Piroska Kállay, qalet: “Nemmnu bil-qawwi li l-inklużività u d-djalogu bejn il-partijiet interessati u l-awtoritajiet varji tas-sistemi tal-ikel ser iżidu l-kwalità u l-leġittimità tat-tfassil tal-politika tal-ikel u Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel huwa għodda sabiex jinkiseb approċċ lejn il-governanza tal-ikel iżjed integrat, parteċipattiv u demokratiku."

Il-KESE huwa ppreparat li jospita lill-Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel u jixtieq jarah imfassal fuq il-mudell tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, li huwa s-sid tiegħu flimkien mal-Kummissjoni.

Il-Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel għandu jippromovi żvilupp sostenibbli u bbilanċjat taż-żoni rurali kif ukoll ta’ dawk urbani. Dan għandu jinkludi akkademiċi, xjentisti, rappreżentanti mill-katina tal-provvista tal-ikel, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, edukaturi, rappreżentanti taż-żgħażagħ u dawk li jfasslu l-politika tal-UE. Maż-żmien, dan għandu jinkludi wkoll rappreżentanti mill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, li jiżguraw parteċipazzjoni ugwali tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-livell tal-UE. (ks)