European Economic
and Social Committee
Il-gwerra fl-Ukrajna, li kkawżat fluss bla preċedent ta’ refuġjati biex ifittxu kenn fl-UE, tindika ħtieġa urġenti għal regolamenti Ewropej komuni effettivi, umani u umanitarji dwar il-migrazzjoni u l-ażil f’żona Schengen miftuħa iżda wkoll sigura, skont Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu f’Mejju.
“L-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna hija fattur ta’ bidla radikali. Storikament, hija l-akbar theddida li qatt kien hemm għall-funzjonament taż-żona Schengen u s-sigurtà tal-UE. L-avvenimenti terribbli fl-Ukrajna jaffermaw mill-ġdid l-importanza tas-sigurtà fil-fruntieri esterni fiż-żona Schengen u l-istabbiltà bħala prerekweżit tas-sigurtà interna tal-Ewropa”, qal ir-relatur tal-Opinjoni dwar il-Pakkett tal-Unjoni tas-Sigurtà/ Pakkett ta’ Schengen, Krzysztof Balon.
Huwa qal li l-KESE jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li kwalunkwe għeluq tal-fruntieri bejn il-pajjiżi tas-Schengen għandu jkun biss temporanju.
Fl-Opinjoni, li evalwat il-pakkett reċenti tal-Kummissjoni li jaġġorna r-regoli dwar iż-żona Schengen, il-KESE ddikjara li t-tħassib tal-Istati Membri dwar is-sigurtà għandu jiġi indirizzat aħjar billi jiżdiedu u jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, pjuttost milli jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni.
L-Opinjoni tagħmel enfasi kbira fuq li jiġi żgurat li l-UE u l-Istati Membri, meta jiġġestixxu l-fruntieri, il-migrazzjoni u l-ażil, jirrispettaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali f’kull ħin, b’mod partikolari il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, kif ukoll id-dritt għall-ażil u l-prinċipju ta’ non-refoulement. L-istess japplika għall-każijiet kollha ta’ kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja bejn l-Istati Membri.
Il-KESE stieden lill-Istati Membri jappoġġjaw b’mod proattiv il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà u r-responsabbiltà kondiviża għall-ġestjoni tal-migrazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.
Il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà jistgħu jiġu żviluppati bejn l-Istati Membri abbażi tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, li għadha kif ġiet attivata fil-kuntest tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, u li l-KESE japprezza ferm din l-attivazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja għal nazzjonali ta’ pajjiż terz f’sitwazzjonijiet futuri ta’ kriżi severa u urġenti.
Il-KESE tenna wkoll it-tħassib tiegħu dwar l-esklużjoni kontinwa tar-Rumanija, il-Bulgarija, il-Kroazja u Ċipru miż-żona Schengen u jingħaqad mal-Kummissjoni fl-appell tagħha għal azzjoni rapida u deċiżiva mill-Kunsill sabiex din tinbidel. (ll)