B’xi mod, sirna lkoll priġunieri matul dawn iż-żminijiet ta’ “polipandemija” – priġunieri tal-fraġilità tagħna, il-biżgħat tagħna, it-tamiet tagħna…
Wara kollox, il-coronavirus wassal għal diversi pandemiji li mhumiex qed jokkorru biss b’mod simultanju, iżda qed isaħħu wkoll lil xulxin fl-effetti avversi tagħhom.
Minn din il-perspettiva, is-Summit Soċjali ta’ Porto ta’ Mejju 2021 jimmarka pass kuraġġuż ’il quddiem mill-istituzzjonijiet Ewropej u l-imsieħba soċjali Ewropej.
Issa għandna pjan direzzjonali b’saħħtu li għandu jiggwida malajr lill-Istati Membri u lill-UE lejn riformi strutturali kbar, investiment produttiv, tkabbir, kompetittività, impjieg u benesseri akbar għaċ-ċittadini tal-UE.
Ma hemm l-ebda dimensjoni soċjali mingħajr pedament ekonomiku sod. Il-kompetittività u produttività ogħla, u s-saħħa u s-sikurezza bbażati fuq il-ħiliet u l-għarfien huma l-muftieħ għaż-żamma tal-benesseri tas-soċjetajiet Ewropej. It-tkabbir ekonomiku u suq intern li jiffunzjona tajjeb huma prerekwiżiti għat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-UE. Issa wasal iż-żmien li nissudaw il-punti b’saħħithom tas-sistema Ewropea tal-ekonomija soċjali tas-suq filwaqt li nneħħu d-dgħufijiet tagħha.
L-Ewropa tagħna hija u dejjem kienet soċjali. L-ekonomija soċjali tas-suq tagħna hija xempju globali – ammirata minn bosta, l-għira ta’ xi wħud. Hemm qafas wiesa’ tal-acquis soċjali li, filwaqt li jistabbilixxi prinċipji fundaturi, jiggwida, jikkomplementa u jikkoordina l-leġiżlazzjoni u l-politiki soċjali tal-Istati Membri.
Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Pjan ta’ Azzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni jipprovdi gwida utli, inkluż fl-oqsma tal-impjieg, il-ħiliet, is-saħħa u l-protezzjoni soċjali.
Kwalunkwe inizjattiva jew miżura inkluża fil-Pjan ta’ Azzjoni għandha tittieħed fil-livell it-tajjeb, filwaqt li jitqiesu u jiġu rrispettati bis-sħiħ il-kompetenzi, is-setgħat u r-rwoli definiti b’mod ċar tal-UE, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali fir-rigward tal-impjiegi u l-politika soċjali.
Dan ifisser li jiġu rispettati b’mod strett il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, l-ambjenti soċjoekonomiċi differenti u d-diversità tas-sistemi nazzjonali, inkluż ir-rwol u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali.
Nilqa’ b’mod partikolari l-fatt li d-Dikjarazzjoni ta’ Porto u l-Pjan ta’ Azzjoni jiffukaw fuq l-impjiegi u l-ħiliet. Is-sostenibbiltà kompetittiva tinsab fil-qalba tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-Ewropa kif iddikjarat fl-introduzzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni. Ekonomija b’saħħitha u reżiljenti, ibbażata fuq l-implimentazzjoni ta’ politiki ekonomiċi sodi fl-Ewropa kollha u fuq l-isfruttar tal-potenzjal tal-produttività ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet innovattivi, hija l-unika bażi għal dimensjoni verament inklużiva u soċjali fl-Ewropa.
It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali se jeħtieġu aktar investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, jiġifieri approċċ prammatiku u aktar effettiv għall-edukazzjoni u l-kisba tal-ħiliet.
Mill-perspettiva tas-Sezzjoni SOC, il-prijoritajiet politiċi u l-pjan ta’ azzjoni għal din is-sena huma konformi mal-konklużjonijiet tas-Summit ta’ Porto. Aħna impenjati li nkomplu naħdmu qatigħ u nwasslu l-opinjonijiet meħtieġa f’isem l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-KESE għandu jsaħħaħ ir-rwol proattiv tiegħu sabiex jiddefendi u jippreserva l-valuri tal-UE.
Jekk xi ħadd kellu bżonn raġuni oħra għaliex l-Istati Membri tal-UE għandhom jikkoordinaw il-miżuri fil-livell tal-UE b’mod aktar dejjiemi u profond sabiex jiffaċċjaw il-kriżijiet, huwa biżżejjed li wieħed jaħseb dwar il-konsegwenzi ta’ miżuri iżolati f’kuntest ta’ “polipandemija”. Jekk mhux f’isem l-integrazzjoni Ewropea, għandu tal-anqas jinftiehem li n-nazzjonijiet waħedhom ma jkunux jistgħu jittrattaw din il-kriżi b’mod aħjar.
B’xi mod, sirna lkoll priġunieri matul dawn iż-żminijiet ta’ “polipandemija” – priġunieri tal-fraġilità tagħna, il-biżgħat tagħna, it-tamiet tagħna…
Irridu noħorġu minn dal-“ħabs”, b’rispett għall-wirt tal-antenati tagħna, u għall-ġenerazzjoni li jmiss.
Laurenţiu Plosceanu
President tas-Sezzjoni SOC