minn Andris Gobiņš, membru tal-KESE, il-Latvja

Ilkoll kemm aħna nistgħu nikkontribwixxu biex il-libertà terġa’ tinkiseb b’mod aktar rapidu u aktar sostenibbli. Hawn issibu xi ideat kif nagħmlu dan, abbażi tal-esperjenza tiegħi li trabbejt f’familja ta’ refuġjati eżiljata u issa qed naħdem fil-Latvja.

1. Irridu nifhmu l-għanijiet tagħna u naġixxu b’mod adatt.

Huwa ċar li aktar ma l-Ukrajna tinħeles malajr u għalkollox mill-okkupazzjoni u t-terrur tar-Russja, inqas ma jkun hemm qtil, stupru, tortura, tbatija u ħsara. U anqas ma jkun hemm impatt negattiv fuq il-bqija tal-Ewropa.
Irridu nagħmlu dak kollu li hemm bżonn (iva, “dak kollu li hemm bżonn”) biex ngħinu lill-Ukrajna tirbaħ din il-ġlieda kontra t-terrur u nsalvaw il-futur tal-UE u tal-Ewropa. Iva, aħna bħala s-soċjetà ċivili nistgħu nikkontribwixxu għal dan permezz ta’ pressjoni fuq dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħna u diskussjonijiet magħhom u permezz ta’ azzjoni aħjar u rabtiet aktar b’saħħithom mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

2. Dawn huma xi talbiet li s-soċjetà ċivili tista’ tagħmel lill-gvernijiet:
– Talba għal azzjoni mill-politiċi (inklużi dawk li huma membri tal-organizzazzjoni tagħkom jew ħbieb tagħha). L-armi kollha meħtieġa għandhom jitwasslu u għandhom jiġu infurzati sanzjonijiet totali u b’saħħithom. Ma hemmx lok għat-taffija tat-tensjoni. – Dan huwa dak li rridu nagħmlu.
–   L-istabbiliment ta’ azzjoni b’saħħitha li tillimita t-tixrid tal-aħbarijiet foloz u l-manipulazzjoni u l-ġlieda kontrihom. – L-UE trid taġixxi b’mod aktar b’saħħtu.
– L-iżvilupp ta’ mekkaniżmu ta’ paċi, irkupru u reżiljenza għall-Ukrajna u l-Istati Membri li jinsabu fil-fruntiera tal-Lvant tal-UE, li jagħmel lil dan ir-reġjun l-aktar reġjun stabbli u għani fid-dinja.

3. Azzjoni possibbli fi ħdan is-soċjetà ċivili u għall-benefiċċju tagħha:
– L-ibbojkottjar tal-importazzjonijiet kollha mir-Russja, inkluż l-enerġija, u ta’ kumpaniji li jkomplu jikkooperaw mar-Russja jew fit-territorju tagħha u x-xiri ta’ prodotti Ukreni. – Irridu nagħmlu aktar f’dan ir-rigward.
– Ningħaqdu man-network informali ta’ trade unions li jirrifjutaw li jgħabbu/jħottu l-bastimenti Russi eċċ., nappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jikkooperaw mal-Ukrajna jew ngħinu lir-refuġjati Ukreni. – Ejjew nieħdu azzjoni f’dawn l-oqsma kollha!
– L-inklużjoni ta’ suġġetti relatati mal-Ukrajna u l-istedina ta’ rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet Ukreni fil-laqgħat tagħkom fl-organizzazzjonijiet u n-networks tagħkom, kif għamilna fis-sezzjonijiet tal-KESE u fil-Plenarja tagħna. – Ejjew nibqgħu sejrin hekk!

Konklużjonijiet: – M’għandux ikun hemm l-iċken gwadann/benefiċċju għall-aggressur, ir-Russja. L-UE se tiggwadanja l-aktar jekk l-Ukrajna ssir Stat Membru.

Kif nenfasizzaw b’mod ċar ħafna fir-Riżoluzzjoni tagħna, il-KESE “jemmen li huwa tal-akbar importanza għall-UE u għall-komunità internazzjonali li l-ebda fruntiera ma tinbidel permezz ta’ mezzi militari, u li l-aggressur ma jikseb l-ebda benefiċċju. Huwa l-istat tad-dritt li jeħtieġ li jiġi difiż, mhux id-drittijiet ta’ min hu l-iżjed b’saħħtu, u l-Ukrajna tiġi kkumpensata bis-sħiħ.” Kwalunkwe azzjoni oħra tkun ta’ dannu kbir għall-UE u għall-paċi dinjija u jkollha spiża għolja inkonċepibbli, kemm f’termini umani kif ukoll finanzjarji.

Nemmen li l-Ukrajna għandha ssir Stat Membru sħiħ tal-UE u li se ssir dalwaqt. L-UE se tkun aktar b’saħħitha u, iva, f’pożizzjoni aħjar bl-Ukrajna fi ħdanha. U m’hemm l-ebda dubju dwar ir-rieda tal-Ukrajna biex twettaq ir-riformi li fadal u li huma meħtieġa u lanqas dwar l-impatt pożittiv enormi fuq il-valuri u l-politiki relatati fl-UE.

Niġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Latvja se jippromovu l-inizjattivi #UkraineSolidarity u #UkraineInTheEU billi jiżirgħu żrieragħ tal-ġirasol fid-9 ta’ Mejju, Jum l-Ewropa. Se jieħdu sehem istituzzjonijiet ewlenin tal-UE u oħrajn. Ingħaqad magħna!