European Economic
and Social Committee
Kenn lil refuġjati Ukreni fir-Rumanija
Minn Ionuţ Sibian, membru tal-KESE, ir-Rumanija
Fir-Rumanija, bosta oragizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħall-FONSS, l-Assoċjazzjoni Afterhills, l-Assoċjazzjoni Parentis u l-Assoċjazzjoni Our Smile Group, ingħaqdu mal-Muniċipalità ta’ Iasi biex imexxu ċentru tar-refuġjati għall-Ukreni li qed jaħarbu mill-gwerra. L-istorja li ġejja, li ġiet irrappurtata mill-kollega tiegħi, Mihaela Muntean, hija waħda mill-ħafna esperjenzi li qed ngħixu fiha.
L-ewwel refuġjata li waslet fiċ-Ċentru ta’ Assistenza Umanitarja u Soċjali għar-Refuġjati CTR Nicolina Iasi, kienet Iovana, ta’ ġimagħtejn – ċkejkna u kwieta f’dirgħajn ommha, li wkoll kienet silenzjuża u pallida wara li welldet f’xelter u vvjaġġat għal 21 jum. Imbagħad wasal Roman, twill, missier it-tarbija, ommu u n-nannu tiegħu ta’ 86-il sena. Erba’ ġenerazzjonijiet ħarġu mill-karozza mgħobbija u bdew mexjin bil-mod lejn is-sala ta’ akkoljenza.
- Minn fejn ġejtu?
- Kharkov!
Il-kelma nstemgħet muġugħa, bħal meta xi ħadd jitkellem dwar sentenza ta’ ħabs.
Ma konniex għadna ftaħna uffiċjalment, iżda kollega tiegħi kien ċempilli mid-dwana u staqsieni jekk nistax nilqagħhom għandna, u għalhekk poġġejnihom fiż-żewġ sulari għal persuni vulnerabbli.
It-tifla ċkejkna kienet twieldet tlett ijiem wara li telqu mid-dar, f’kundizzjonijiet ta’ gwerra. It-terrur li din l-omm żagħżugħa esperjenzat... Qalb Roman bilfors kienet maqsuma bejn id-dmir li, minn banda, imur jiġġieled u minn banda oħra jipproteġi tant nies vulnerabbli.
Meta ħarġu mill-karozza bil-bagalji tagħhom, qalu li riedu biss jorqdu. Wara l-ewwel lejl qaluli li kien hemm tant kwiet fid-dar tagħna... Imma t-tifla ċkejkna kienet bla heda u l-anzjan, li l-vista kienet qed tmurlu, ma kien qed ikellem lil ħadd Huwa kien diġà esperjenza gwerra bħala adoloxxenti. Imma issa, mgħawweġ iserraħ fuq il-bastun tiegħu mgħobbi bix-xjuħija u esperjenza ta’ ħajja li ma setax iħalli warajh, beda jiċċaqlaq bi skumdità minn sufan għall-ieħor
L-ewwel ġurnata fiċ-ċentru kienet tfisser banjijiet għal Iovana u massaġġ għat-trabi, mit-tim tagħna Parentis. Fil-fatt, konna qed induru kollha madwarhom. L-għada filgħodu kienu aktar mistrieħa wara lejl irqad u ċ-ċkejkna lanqas biss kienet stenbħet biex tiekol.
Imbagħad segwew ftit jiem kwieti - b’nanna gustuża ttaqtaq, omm diskreta imma pjaċevoli, u tarbija ħelwa tat-twelid. Roman malajr beda jiġi biex jgħin lil refuġjati oħrajn, jgħinhom b’kull mod li seta’, probabbilment kien qed iħoss li kien qed irodd lura dak li kien irċieva. Ħsilna l-ħwejjeġ u nxarnihom flimkien, irrakkuntajna l-istejjer. L-anzjan qam fuq tiegħu biżżejjed biex iwieġeb it-tislijiet u dejjem wasal fil-ħin għall-ikliet.
Il-bilanċ reġa’ ntilef wara ftit jiem meta, omm, mart u t-tifla ta’ Roman ippruvaw jitilqu lejn il-Belġju. Fl-ajruport saru jafu li ommu biss setgħet titlaq. Il-mara tiegħu ma kellhiex passaport bijometriku.
Lanqas nixtieq nibda naħseb kif setgħet ħassitha l-mara li ħalliet warajha lil binha, lin-neputija u ’l missierha. Meta Roman ġie lura bit-tifla f’dirgħajh, kollha kemm aħna ħadniha bi kbira. Fl-aħħar, sabu mod kif l-omm żagħżugħa u t-tarbija jitilqu. L-irġiel biss baqgħu, qalbhom maqtugħa, kull wieħed minnhom waħdu ma’ ħsibijietu u bla saħħa. Malajr reġgħu kienu fi triqithom. Ħallew warajhom il-memorja ta’ refuġjat li nbidel għal ftit f’kollega, il-ferħ li ħassejna lkoll meta filgħodu l-omm kienet qaltilna li t-tifla ċkejkna kienet ikkalmat u raqdet mistrieħa, u nota ta’ ringrazzjament miktuba minn Roman fejn esprima l-ferħ kbir tiegħu talli kien esperjenza l-miraklu bl-isem ta’ Iovana - it-tarbija li insistiet bil-kbir li titwieled meta oħrajn kienu qed imutu.