L-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni trid tqis is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjonijiet li jgħixu qrib il-kanali tan-navigazzjoni jew il-portijiet. Dan huwa l-messaġġ ewlieni tal-Opinjoni tal-KESE li tfasslet minn Pierre Jean Coulon, u li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Frar tal-Kumitat.

Fl-Opinjoni, il-KESE jindirizza d-dimensjoni soċjali tal-kwistjonijiet marbuta mat-trasport marittimu lokali u reġjonali, u jagħmel rakkomandazzjonijiet li huma essenzjali għat-tisħiħ fil-futur tal-ekonomija l-blu, u li jikkomplementaw il-konklużjonijiet taż-żewġ Opinjonijiet li ġew adottati reċentement: FuelEU Maritime (TEN/751) u NAIADES III (TEN/752).

Waqt li kien qed jitkellem mill-marġni tas-sessjoni plenarja, is-Sur Coulon qal: “Neħtieġu approċċ innovattiv u sostenibbli li jikkombina l-objettivi ekoloġiċi u tas-saħħa. Fit-trasport marittimu, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha fir-raggruppament u l-katina tal-provvista biex jintlaħaq l-għan aħħari. Hija meħtieġa wkoll kooperazzjoni mill-qrib biex jiġu żgurati l-benefiċċji evidenti tal-ħolqien ta’ terminals intermodali, li jippermettu l-iżvilupp tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni fil-bliet u jikkontribwixxu għal kwalità tal-ħajja aħjar”.

It-trasport marittimu jammonta għal madwar 75% tat-trasport tal-merkanzija fl-UE. Għalhekk huwa ferm importanti li jinstab bilanċ bejn l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali permezz ta’ approċċ integrat. L-awtoritajiet tal-port u l-partijiet interessati fis-settur tat-trasport għandhom jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġu kkunsidrati mill-ġdid ir-rabtiet bejn il-bliet, il-portijiet u l-modi ta’ trasport.

Tħassib ieħor li jeħtieġ li jiġi indirizzat huwa it-taħriġ tal-persunal, il-prospetti ta’ impjieg, it-trattament inugwali bejn l-irġiel u n-nisa, u l-bidliet profondi li ġabu magħhom id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-impjiegi. (mp)