Mill-2008 ’l hawn, kellna kriżi wara oħra – dak li hu magħruf bħala “kriżi multipla”. Tant li ħafna nies qed jistaqsu x’jonqos jiġri, u dan juri kemm kibru l-biża’ u l-inċertezza. Huwa minnu li l-biċċa l-kbira tal-kriżijiet huma importati. Iżda huwa minnu wkoll li l-Unjoni rnexxielha tegħleb dawk l-ostakli perikolużi kollha li xi drabi heddew l-eżistenza tagħha. Aħna tajbin f’dan ir-rigward iżda, fl-istess ħin, għandna wkoll sfidi pożittivi x’nindirizzaw. Aħna daqstant tajbin biex nindirizzawhom?
Meta nara kif l-Unjoni qed tuża l-Fond għall-Irkupru, li tfassal biex jiġġieled l-impatt soċjali u ekonomiku tal-pandemija bil-għan li titħaffef it-tranżizzjoni ambjentali u dik diġitali, nimtela tama! Qed nikkombinaw il-ġestjoni tal-kriżijiet ma’ viżjoni fit-tul, u din hija l-aktar ħaġa diffiċli li għandna nagħmlu llum il-ġurnata fil-politika, fejn tiddomina l-ossessjoni bil-ħsieb u l-azzjoni fil-perjodu qasir ta’ żmien.
Li niksbu n-newtralità karbonika sal-2050 mhuwiex biss litteralment essenzjali għas-sopravivenza tagħna, iżda għandu jgħinna niżguraw li l-ekonomija tagħna tibqa’ kompetittiva. M’għandniex nagħmlu l-istess żbalji li għamilna bir-rivoluzzjoni diġitali, fejn kważi tlifna l-opportunità.
Politika reali dwar il-klima se tgħinna wkoll niksbu objettiv ċentrali ieħor: l-awtonomija strateġika tal-Unjoni jew xi forma ta’ sovranità Ewropea. Politika dwar il-klima se tippermettilna nnaqqsu u nevitaw l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili bħall-gass Russu. Il-Patt Ekoloġiku se jgħin fi kwistjonijiet klimatiċi u ekonomiċi u se jagħmel lill-UE aktar awtonoma. L-ebda wieħed minn dawn l-aspetti ma jista’ jiġi kkunsidrat b’mod iżolat: l-aspetti kollha huma interdipendenti.
Se nieħu pass ieħor ’il quddiem. Jekk l-Unjoni trid taqdi rwol ġeopolitiku, trid tkun kompetittiva, għaliex hija l-ekonomija li tiddetermina l-bilanċ tal-poter fid-dinja. Huwa għalhekk li t-tranżizzjoni ambjentali u dik diġitali huma daqshekk importanti. Huwa għalhekk li għandna nkomplu nitkellmu b’vuċi waħda dwar il-kummerċ – kif għamilna bil-Brexit u bis-sensiela ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles li kkonkludejna bħal dak mal-Ġappun, u maċ-Ċina dwar l-investiment. Anke matul l-era ta’ Trump, il-President tal-Kummissjoni kien kapaċi jevita gwerra kummerċjali għaliex konna magħqudin. Madankollu, mil-lat ġeopolitiku, nistgħu nkunu verament rilevanti biss jekk inkunu ħafna inqas dipendenti minn atturi globali oħra f’ħafna oqsma: it-teknoloġija diġitali, l-enerġija, il-migrazzjoni, is-servizzi finanzjarji (u dan jinkludi li niddependu anqas miċ-ċentru kummerċjali u finanzjarju ta’ Londra u d-dollaru Amerikan), l-ikel, is-saħħa pubblika, eċċ.. Nistgħu nagħmlu dan biss jekk ningħaqdu flimkien fil-livell industrijali. Id-daqs jgħodd. L-iskala tgħodd. Qed nagħmlu progress f’dawn l-oqsma kollha iżda xi drabi l-progress miexi bil-mod wisq. Irridu naħsbu b’mod iktar strateġiku, inqas inġenwu u aktar Ewropew.
Nispera li l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa se tiffoka wkoll fuq l-isfidi interni tagħna. Ngħixu f’dinja ġdida mil-lat teknoloġiku, demografiku, ekonomiku, ambjentali u ġeopolitiku. Dawn l-iżviluppi kollha qed iseħħu aktar malajr milli ħsibna jew bżajna. Iva, kollox sar urġenti.
Fi ħdan l-Unjoni, irridu nieħdu ħsieb li nżommu, jew niksbu mill-ġdid, l-istabblità soċjali u politika. Il-pandemija ħolqot inugwaljanzi ġodda u aggravat dawk li kienu jeżistu diġà. Is-swieq tax-xogħol huma dejjem aktar maqsuma bejn persuni li huma inqas u aktar edukati u għalhekk hemm ir-riskju li xi gruppi jħossuhom abbandunati speċjalment issa li r-rivoluzzjoni diġitali tidher li bdiet. Il-Fond għall-Irkupru u x-xiri konġunt tal-vaċċin juru li teżisti solidarjetà Ewropea. Fil-livell nazzjonali wkoll, hemm ħafna xogħol xi jsir biex titjieb il-koeżjoni soċjali. Il-pandemija kkawżat żieda spettakolari fl-għadd ta’ persuni foqra, hekk kif il-faqar estrem reġa’ żdied madwar id-dinja wara għexieren ta’ snin ta’ tnaqqis. Il-koeżjoni soċjali bir-raġun hija tant għall-qalb il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Politikament, xi azzjonijiet f’għadd ta’ pajjiżi dgħajfu l-istat tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni u tal-midja u b’hekk tal-elezzjonijiet innifishom. Dan ta bidu għal reazzjoni.
Bla dubju m’aħniex neqsin minn sfidi u għalhekk irridu niżguraw li aħna lesti, determinati u kapaċi li niffaċċjawhom flimkien. Dan mhuwiex iż-żmien għall-pessimisti iżda għan-nies, il-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet ta’ tama.
Herman van Rompuy, President tal-European Policy Centre