Fid-9 ta’ Diċembru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippremja lil ħames organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li l-proġetti klimatiċi kreattivi u ta’ ispirazzjoni tagħhom jippromovu tranżizzjoni ġusta u ekoloġika għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

Il-premju ta’ EUR 50 000 tqassam bejn il-ħames proġetti rebbieħa. L-assoċjazzjoni Belġjana Nanniet għall-Klima rebħet l-ewwel premju ta’ EUR 14 000. L-erba’ assoċjazzjonijiet l-oħra rċevew EUR 9 000 kull waħda.

L-erba’ finalisti kklassifikaw f’dan l-ordni: l-assoċjazzjoni Katalana tal-Inġiniera Mingħajr Fruntieri (Spanja); l-assoċjazzjoni Rumena Workshop Mingħajr Fruntieri; l-istudio tal-ippjanar urban Sloven Prostorož; u n-network ta’ NGOs Estonjani – Moviment Ekoloġiku Estonjan/Fond Estonjan għan-Natura u ċ-Ċentru tal-Liġi Ambjentali tal-Estonja.

Matul iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premji li saret online u fi Brussell, il-President tal-KESE, Christa Schweng, ferħet lill-ħames rebbieħa u lill-kandidati kollha li applikaw: “Il-proġetti li rċevejna juru valur u kreattività f’diversi oqsma relatati mal-klima. Aħna nemmnu bis-sħiħ li proġetti bħal dawn se jgħinu biex jinkisbu n-newtralità klimatika u tranżizzjoni ġusta. Bħala sostenitur b’saħħtu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-KESE huwa għalkollox konvint li jeħtieġ li ċ-ċittadini u n-negozji jitqiegħdu fil-qalba tat-tranżizzjoni ekoloġika u li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.”

Il-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni, Cillian Lohan, qal: “Biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima hemm bżonn li l-partijiet kollha tas-soċjetà jipparteċipaw b’mod attiv. U jeħtieġ li ngħaddu mill-konsultazzjoni u impenn minn fuq għal isfel għal mudell ta’ kodisinn, kokreazzjoni u awtonomizzazzjoni. Stejjer pożittivi bħall-proġetti tar-rebbieħa tagħna jagħtu xhieda ta’ dan il-kodisinn u l-kokreazzjoni. Dawn il-proġetti jinvolvu wkoll lin-nies u lill-organizzazzjonijiet. Din ir-rikkezza ta’ ideat tagħtina tama li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima mhijiex mitlufa.”

IR-REBBIEĦA TAL-PREMJU GĦAS-SOĊJETÀ ĊIVILI 2021
Ir-rebbieħa ta’ dis-sena hija assoċjazzjoni ta’ nanniet mir-Reġjun Fjamming tal-Belġju. L-assoċjazzjoni Grootouders voor het Klimaat (Nanniet għall-klima) tgħid li l-għan tagħha huwa li tħalli dinja aħjar u aktar sostenibbli għan-neputijiet tal-membri. Bil-kampanja tagħha It-tfaddil tagħna għall-futur tagħhom, l-assoċjazzjoni tħeġġeġ lin-nanniet Belġjani, li jirrappreżentaw madwar 2,4 miljun persuna, biex jitfgħu t-tfaddil tagħhom, li jammonta għal madwar EUR 910 biljun f’assi, fi proġetti aktar sostenibbli.

Il-kampanja hija mmirata wkoll lejn is-settur finanzjarju u l-gvern, tħeġġeġ imġiba sostenibbli mill-investituri u mill-istituzzjonijiet u tappella biex dawn jagħmlu l-qabża lejn finanzi sostenibbli. Tippromovi wkoll il-litteriżmu finanzjarju fost l-istudenti. L-assoċjazzjoni trid tenfasizza r-rwol essenzjali li jistgħu jaqdu l-anzjani fl-azzjoni klimatika.

Huwa u jaċċetta l-premju, il-kelliem tal-assoċjazzjoni Grootouders voor het Klimaat, Guy De Koninck, qal: “Huwa unur għalina li qed nirċievu dan il-premju flimkien ma’ erba’ proġetti eċċellenti oħra. Ninsabu mħassba dwar il-pjaneta. Smajna l-bikja taż-żgħażagħ u ngħaqadna mal-mixjiet tagħhom għall-futur. Jekk il-flus idawwru d-dinja, id-dinja issa qed iddur fid-direzzjoni l-ħażina. Jeħtieġ li ndawruha fid-direzzjoni t-tajba u dan huwa l-għan tal-kampanja tagħna. Il-flus li għandna jistgħu jikkontribwixxu għall-bidla. Dan huwa l-messaġġ li bgħatna lill-gvernijiet, lill-banek u lin-nanniet l-oħra. Li rbaħna dal-premju huwa ta’ appoġġ morali u finanzjarju importanti għall-kampanja tagħna.”

Ir-rebbieħa tat-tieni premju hija l-assoċjazzjoni Spanjola Associació Catalana Enginyeria Sense Fronteres (Assoċjazzjoni Katalana tal-Inġiniera Mingħajr Fruntieri). Fi żmien meta 11 % tal-unitajiet domestiċi Spanjoli qed jitħabtu mal-faqar enerġetiku, din l-assoċjazzjoni Katalana qed tiġġieled għall-ġustizzja klimatika abbażi tad-drittijiet tal-bniedem. L-assoċjazzjoni tinkludi lil dawk il-persuni li qed jiffaċċjaw il-faqar enerġetiku f’dibattiti kontinwi dwar l-emerġenzi klimatiċi u l-għan tagħha huwa li tawtonomizza lill-persuni żvantaġġati biex jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom li jkollhom aċċess għal utilitajiet bażiċi.

L-assoċjazzjoni Rumena Ateliere Fara Frontiere (Workshop Mingħajr Fruntieri) rċeviet it-tielet premju. Il-proġett educlick tagħha jindirizza l-inġustizzja soċjali u jissensibilizza dwar il-vantaġġi tal-ekonomija ċirkolari. L-assoċjazzjoni timpjega persuni marġinalizzati biex jirrinnovaw l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku. Hija tagħmel ukoll donazzjonijiet ta’ tagħmir lil skejjel f’żoni żvantaġġati u lil organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ tfal vulnerabbli.

Ir-raba’ premju ngħata lill-istudio tal-ippjanar urban Sloven Prostorož, li mmobilizza lir-residenti tal-belt kapitali tas-Slovenja, Ljubljana, biex jaġixxu kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima f’belthom – waħda mill-bliet tad-dinja fejn it-tisħin qed iseħħ b’rata mgħaġġla. Il-proġett Hot Spots stieden lin-nies jimmarkaw l-aktar postijiet sħan tal-belt fuq mappa diġitali u rċieva kontribut kbir dwar x’irid isir biex tiġi evitata s-sħana żejda.

Il-ħames premju ngħata lin-network ta’ NGOs Estonjani Estonian Green Movement/Estonian Fund for Nature u l-Estonian Environmental Law Centre li qed jiġġieled għal bidla fil-perċezzjonijiet dwar l-enerġija rinnovabbli f’pajjiż li għandu waħda mill-ikbar impronta tal-karbonju fl-UE. In-network ħoloq pjattaforma għal djalogu bejn il-partijiet kollha dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija fil-Grigal tal-Estonja, fejn l-industrija taż-żejt tax-shale ser ikollha tiġi elimnata gradwalment, proċess li ma ntlaqax b’ħafna entużjażmu.

DWAR IL-PREMJU GĦAS-SOĊJETÀ ĊIVILI 2021
It-tema ta’ din is-sena – Azzjoni Klimatika – ġibdet għexieren ta’ kandidati minn 24 pajjiż. Kien hemm firxa wiesgħa ta’ proġetti li ġew sottomessi, u li enfasizzaw approċċi innovattivi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-individwi qed jimplimentaw biex jindirizzaw l-emerġenza klimatika.

Il-premju wera r-rwol kritiku li jaqdi l-livell lokali biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, kif imwiegħed mill-UE fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-KESE jittama li l-premju tiegħu jħeġġeġ lis-soċjetà ċivili tikkontribwixxi biex l-ekonomiji lokali jsiru aktar ekoloġiċi u biex jinbidlu r-regoli, l-imġiba u s-sistemi li wassluna fix-xifer tal-kriżi klimatika.

Il-Premju għas-Soċjetà Ċivili jingħata għal “eċċellenza f’inizjattivi tas-soċjetà ċivili”. Kull sena, il-premju jkopri aspett differenti tal-ħidma tal-KESE. It-tema fl-2019 kienet l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa. Fl-2020, il-KESE nieda Premju ta’ darba għas-Solidarjetà Ċivili, li kien iddedikat għall-ġlieda kontra l-COVID-19.

Aktar informazzjoni dwar il-Premju għas-Soċjetà Ċivili tal-2021 hija disponibbli hawnhekk. (ll)