European Economic
and Social Committee
L-edukazzjoni għandha tkun fil-qalba tal-iżvilupp sostenibbli
L-edukazzjoni tista’ tgħin biex tittrasforma s-soċjetajiet ibbażati fuq il-fjuwils fossili f’soċjetajiet ċirkolari u sostenibbli. F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja adottata f’Diċembru, il-KESE jappella għal edukazzjoni trasformattiva li tawtomomizza ż-żgħażagħ biex jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika.
Il-valuri umanistiċi għandhom ikunu fil-qalba tal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli, b’enfasi fuq il-konsegwenzi ambjentali u soċjali tal-imġiba tal-bniedem. Dan jirrikjedi li l-edukazzjoni tiġi definita mill-ġdid, mill-preprimarja sal-università u lil hinn minnha.
“Is-sostenibbiltà mhijiex biss dwar l-ambjent. Hemm ħafna aspetti, u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli huma kollha importanti b’mod ugwali. L-edukazzjoni taqdi rwol kruċjali peress li hija faċilitatur ewlieni għall-SDGs l-oħra kollha," qalet Tatjana Babrauskienė, relatur għall-Opinjoni tal-KESE: L-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ biex jinkiseb żvilupp sostenibbli permezz tal-edukazzjoni.
Il-ħsieb kritiku u t-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati għandhom jiġu mgħallma fl-iskejjel, sabiex it-tfal ikunu kapaċi jindirizzaw kwistjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli. Fil-livell bażiku, it-tfal għandhom jiġu mgħallma dwar l-enerġija, il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, it-tnaqqis tal-ħela tal-ikel u l-għażla responsabbli tal-ikel.
Ir-rapport dwar l-evalwazzjoni tal-iskema għall-iskejjel tal-UE li ġie adottat dan l-aħħar jagħmel rakkomandazzjonijiet addizzjonali dwar kif is-sistema skolastika tista’ tittejjeb fl-interess tal-iżvilupp sostenibbli. “It-titjib tal-miżuri tal-edukazzjoni dwar l-ikel, b’ħin allokat fil-klassi għal tagħlim dwar l-oriġini u l-valur tal-prodotti tal-ikel u ż-żjarat fl-irziezet u n-negozji agroalimentari, jista’ jagħmel l-iskema tal-iskejjel tal-UE aktar effettiva u jikkontribwixxi għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ dwar ikel sostenibbli u tajjeb għas-saħħa,” qal ir-relatur Arnold Puech d’Alissac. Il-KESE appella wkoll għal użu aħjar tal-finanzjament għall-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, Erasmus+, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew Plus.
L-implimentazzjoni tal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli bħalissa tinsab fi stadji differenti fl-Istati Membri kollha u jeħtieġ li titfassal skont iċ-ċirkostanzi lokali.
“Ma rridux nitilfu ħin biex nittrasformaw l-edukazzjoni ħalli niżguraw futur sostenibbli fl-Istati Membri, u huwa essenzjali li ż-żgħażagħ, l-għalliema u l-ġenituri jiġu inklużi b’mod attiv fil-proċess,” qalet is-Sinjura Babrauskienė. (ks)