Il-valur ta’ limitu tekniku għall-esponiment għall-asbestos għandu fl-aħħar mill-aħħar jiġi stabbilit f’livell aktar baxx minn dak li qed tipproponi bħalissa l-Kummissjoni f’direttiva reċenti li tirregola l-protezzjoni tal-ħaddiema mill-perikli ta’ esponiment għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol, qal il-KESE f’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu f’Diċembru.

“L-imsieħba soċjali jistgħu jmorru lil hinn mil-limitu l-ġdid li se japplika skont id-Direttiva u jieħdu miżuri adegwati biex ikomplu jnaqqsu l-preżenza tal-fibri tal-asbestos fuq il-postijiet tax-xogħol,” stqarr il-KESE fl-Opinjoni dwar Protezzjoni mill-espożizzjoni għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol.

Il-KESE qal li l-limitu tekniku għandu fl-aħħar mill-aħħar jiġi stabbilit għal 0.001 fibri/cm3, wara perjodu ta’ tranżizzjoni raġonevoli.

“Aħna nilqgħu l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas l-inċidenza tal-kanċer u l-isforzi speċifiċi tagħha biex timminimizza l-esponiment għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol. Hija bażi tajba biex fuq perjodu twil ta’ żmien noqorbu lejn tolleranza żero għall-esponiment għall-asbestos. Iżda nemmnu li l-UE għandha tmur lil hinn minn dak li qed tipproponi l-Kummissjoni,” qalet ir-relatur għall-Opinjoni tal-KESE Ellen Nygren.

Ix-xjenza stabbiliet li ma hemm l-ebda livell ta’ esponiment li jista’ jitqies li huwa sikur, mingħajr ir-riskju ta’ kanċer. Għalhekk, minkejja l-projbizzjoni attwali fuq l-użu ta’ asbestos ġdid, għad hemm ammonti kbar ta’ xogħol fejn il-ħaddiema għadhom esposti għal din is-sustanza fatali,” wissiet.
Skont figuri ppreżentati f’seduta ta’ smigħ reċenti tal-KESE, madwar 90 370 persuna jmutu kull sena fl-UE minħabba kanċer relatat mal-asbestos, li juri l-ħtieġa għal valur ta’ limitu mnaqqas.

Sabiex tintlaħaq din il-mira, il-KESE rrakkomanda li jitfassal pjan direzzjonali ta’ miżuri komplementari li jmorru lil hinn mill-proposta tal-Kummissjoni. Dawn jinkludu appoġġ finanzjarju għan-negozji u r-reġjuni li ma jkunux jistgħu jilħqu dan l-objettiv b’mod ieħor.
Peress li ħafna nies jistgħu jkunu esposti għall-asbestos mingħajr ma jkunu jafu, il-KESE stieden lill-Kummissjoni torganizza kampanja ta’ informazzjoni biex il-pubbliku jiġi edukat dwar l-asbestos u l-effetti ta’ ħsara tiegħu permezz tal-mezzi kollha possibbli, inklużi l-mezzi tax-xandir.

F’każ li r-riskju ta’ esponiment ikun reali jew suspettat, il-ħaddiema kollha għandhom isirulhom verifiki b’riżultati li jiġu ddokumentati, filwaqt li jiġi żgurat li saħħithom tkun immonitorjata kif suppost u segwita kull darba li jibdlu x-xogħol matul il-karriera tagħhom. (ll)