Il-KESE bi pjaċir jara r-rakkomandazzjonijiet tiegħu riflessi fil-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal Patt Klimatiku Ewropew li jappoġġja l-azzjoni klimatika eżistenti u ġdida permezz tat-tagħlim bejn il-pari, l-edukazzjoni, il-bini tal-kapaċità, it-tneħħija tal-ostakli, u aċċess aktar faċli għall-finanzjament.
Bl-introduzzjoni tal-kunċett ta’ newtralità karbonika globali, il-Ftehim ta’ Pariġi biddel id-diskors politiku u qiegħed lill-gvernijiet u l-partijiet interessati fuq mogħdija orjentata lejn l-azzjoni. Dan ir-riżultat ma kienx ikun possibbli mingħajr il-mobilizzazzjoni bla preċedent tal-partijiet interessati kollha tas-soċjetà ċivili. Il-parteċipazzjoni attiva tal-”partijiet kollha tas-soċjetà” hija prerekwiżit għal politika tal-klima li tirnexxi fi ħdan l-UE.
Il-membru tal-KESE Peter Schmidt qal: “Il-Patt Klimatiku huwa opportunità importanti biex jiġi mfassal approċċ innovattiv li se jirrifletti, jappoġġja u jispira azzjoni li diġà qed issir fis-soċjetà ċivili, fil-komunitajiet, il-bliet u r-reġjuni.”
Il-KESE jixtieq jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea u ma’ korpi oħrajn tal-UE biex joħolqu b’mod kondiviż Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Patt Klimatiku Ewropew ibbażata fuq il-prinċipji tal-inklużività, it-trasparenza u l-parteċipazzjoni ġenwina, kif ukoll is-sjieda minn atturi klimatiċi fil-livelli kollha.
Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ Forum tal-UE dwar il-Finanzjament għall-Klima bħala parti mill-Patt għandu jistimola proċessi ta’ tagħlim li huma tassew reċiproċi, jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament u jneħħu l-ostakli. Mekkaniżmu għall-involviment taż-żgħażagħ fil-klima u s-sostenibilità, bħal Round Tables taż-Żgħażagħ dwar il-Klima u s-Sostenibbiltà proposti mill-KESE, għandu jkun parti integrali ta’ dan il-Patt. (mr)