Il-bilanċ meħtieġ bejn il-kwistjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali fit-tranżizzjoni industrijali

Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Bidla industrijali tista’ tfisser impjiegi u kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar, flimkien ma’ tkabbir sostenibbli u inklużività. Jew tista’ tfisser inugwaljanza u faqar rampanti, żieda sostanzjali fil-qgħad għal ċerti gruppi, u eventwalment ksur fil-koeżjoni soċjali li jipperikola l-UE u d-demokrazija nnifisha.

Kien hemm raġunijiet, u kif, għalfejn tibdiliet storiċi fil-kundizzjonijiet materjali ta’ produzzjoni u r-relazzjonijiet ta’ xogħol iktar iva milli le riegħdu s-sisien infushom tas-soċjetà.

Madankollu, il-mod kif isseħħ il-bidla jiddependi sew fuq l-għażliet politiċi. Fl-aħħar plenarja ta’ Diċembru 2020, il-KESE adotta opinjoni importanti dwar it-tranżizzjoni industrijali, mitluba mill-Parlament Ewropew, li sservi bħala pjan għall-ħtieġa ta’ trattament ġust u ġustizzja fl-iżviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi fl-industrija u fid-dinja tax-xogħol.

Ir-riċetta biex jingħeleb it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku tal-pandemija u biex jiġu stabbiliti ekonomija u soċjetà aktar reżiljenti, moderni, ekoloġiċi, diġitali u inklużivi jeħtieġ l-ewwel u qabel kollox komponent soċjali qawwi. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jkun fiċ-ċentru tat-trasformazzjoni, li għandu jinvolvi parteċipazzjoni ċara, wiesgħa u qawwija tal-imsieħba soċjali u qafas regolatorju sod u ċar.

Din l-opinjoni għalhekk tistabbilixxi l-bilanċ meħtieġ, u spiss injorat, mhux biss f'termini ambjentali u ekonomiċi, iżda wkoll f'dawk soċjali: li ħadd ma jitħalla jibqa' lura mhuwiex biss prinċipju intenzjonat tajjeb. Hija neċessità jekk irridu nevitaw li l-populiżmu jispiċċa dak li beda wara l-kriżi tal-2008 u r-rispons ta’ awsterità li skatta. (prp)