Ir-Round Table UE-Brażil

Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, il-Brażil sar wieħed mill-pajjiżi tal-Amerka Latina li stabbilixxa relazzjoni mill-aktar dinamika u ta’ impatt mal-KESE, ikkaratterizzata minn skambji regolari u kostruttivi li jenfasizzaw l-importanza strateġika tal-Brażil fir-reġjun.

Storikament, il-kontroparti ewlenija tal-KESE fil-Brażil kienet il-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, li ġie stabbilit fl-2003 taħt it-tmexxija tal-President Luiz Inácio Lula da Silva, u li kien ibbażat fuq il-mudell Ewropew tad-djalogu tas-soċjetà ċivili. Din is-sħubija ġiet approfondita bl-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Qbil (MtQ) bejn il-KESE u l-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali fl-2003, li stabbilixxa l-pedament għar-Round Table UE-Brażil. Peress li r-relazzjonijiet bilaterali komplew jiżviluppaw, fl-2007, ġiet stabbilita s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil, li mbagħad wasslet għall-ħolqien tar-Round Table tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u l-Brażil fl-2009. Stabbilita bil-għan li tiffaċilita d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili miż-żewġ reġjuni, din il-pjattaforma ltaqgħet tmien darbiet u kienet kopreseduta mill-President tal-KESE u l-kap tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Madankollu, ix-xoljiment tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali fl-2019 wassal għas-sospensjoni temporanja tal-inizjattivi regolari ta’ kollaborazzjoni bejn il-partijiet.

Minkejja din l-interruzzjoni, il-Brażil baqa’ imsieħeb strateġiku kruċjali għall-UE. F’Marzu 2023, il-President Lula da Silva ta spinta ġdida lill-involviment tas-soċjetà ċivili tal-Brażil billi stabbilixxa l-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali Sostenibbli tal-Brażil. Dan il-kunsill il-ġdid, magħmul minn 243 membru, huwa saħansitra aktar inklużiv, u jagħti pariri dwar kwistjonijiet kritiċi bħad-demokrazija, it-tnaqqis tal-faqar, it-tranżizzjoni tal-enerġija, l-istrateġija teknoloġika, it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli.

Il-ħolqien tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali Sostenibbli tal-Brażil saħħaħ mill-ġdid id-djalogu tas-soċjetà ċivili mal-KESE. F’April 2024, delegazzjoni tal-KESE, immexxija mill-President Oliver Röpke, żaret Brasilia biex iġġedded din is-sħubija. Matul iż-żjara, il-President Röpke u l-Ministru Alexandre Padilha ffirmaw Memorandum ta’ Qbil ġdid, li jwitti t-triq għal kollaborazzjoni aktar profonda dwar prijoritajiet kondiviżi bħas-sostenibbiltà ambjentali, l-iżvilupp ekonomiku u l-ġustizzja soċjali.

Sabiex jiġi implimentat dan il-MtQ u tissaħħaħ is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil, fl-2024, il-KESE stabbilixxa mill-ġdid in-naħa Ewropea tar-Round Table tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u l-Brażil. Din l-istruttura rivitalizzata hija magħmula minn rappreżentanti ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema u ta’ organizzazzjonijiet ta’ interessi varji minn kull naħa u hija kopreseduta mill-presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet. L-għan tar-Round Table huwa li jiġu indirizzati sfidi globali u bilaterali urġenti, u li jiġi żgurat li s-soċjetà ċivili tkompli taqdi rwol kruċjali fit-tfassil tad-djalogu bejn l-UE u l-Brażil.