L-aħħar ċans biex tkun rebbieħ tal-Premju tal-KESE għas-Solidarjetà Ċivili, iddedikat għall-ġlieda kontra l-coronavirus

This page is also available in

L-applikazzjonijiet għall-premju, li l-għan tiegħu hu li jippremja proġett wieħed minn kull Stat Membru tal-UE u mir-Renju Unit, se jagħlqu fit-30 ta’ Settembru

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qed jistieden lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ’il-kumpaniji privati u ’l-individwi mill-Unjoni Ewropea u mir-Renju Unit biex iressqu l-proġetti tagħhom għall-Premju uniku tiegħu għas-Solidarjetà Ċivili, imniedi f’Lulju bħala sostitut speċjali u ta’ darba għall-Premju għas-Soċjetà Ċivili ewlieni tiegħu ta’ kull sena.

Il-KESE għandu l-għan li jippremja sa 29 proġett li l-awturi tagħhom urew kuraġġ u solidarjetà mingħajr preċedent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-effetti devastanti tagħha.

Hemm 27 premju disponibbli, kull wieħed ta’ EUR 10 000 għal proġetti implimentati fl-Istati Membri, premju wieħed għal applikazzjoni mir-Renju Unit u ieħor għal proġett b'fokus transfruntier jew Ewropew.

Id-data tal-għeluq biex jitressqu l-applikazzjonijiet hija 12 p.m. tat-30 ta' Settembru 2020 (ħin ta' Brussell). Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet se ssir f’Jannar 2021 fi Brussell.

Biex ikunu eliġibbli, l-applikanti jridu jkunu residenti jew stabbiliti fl-UE. Ir-residenti, kumpaniji stabbiliti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mir-Renju Unit huma wkoll eliġibbli biex japplikaw.

L-entrati kollha, inklużi dawk ippreżentati minn kumpaniji li jagħmlu profitt, għandhom ikunu strettament mingħajr skop ta' qligħ u ma jistgħux jirċievu aktar minn 50 % tal-finanzjament tagħhom minn sorsi pubbliċi.

L-inizjattivi għandhom ikunu marbutin direttament mal-COVID-19, immirati b'mod speċifiku lejn il-ġlieda kontra l-virus jew l-indirizzar tal-konsegwenzi. Dawn l-inizjattivi jistgħu jkunu diġà ġew implimentati jew għadhom għaddejjin. Proġetti li ġew stabbiliti qabel it-tifqigħa tal-pandemija u ġew adattati biex jirrispondu malajr għall-isfidi l-ġodda huma wkoll eliġibbli.

Id-deskrizzjoni sħiħa tar-rekwiżiti u l-formola tal-applikazzjoni online huma disponibbli fil-paġna web tagħna: www.eesc.europa.eu/civilsolidarityprize

 

AKTAR DWAR IL-PREMJU TAL-KESE GĦAS-SOLIDARJETÀ ĊIVILI

Il-premju ta’ din is-sena għandu tema speċifika: Is-soċjetà ċivili kontra l-COVID-19

Billi jiddedika l-premju tiegħu għall-ġlieda kontra l-coronavirus u billi jfittex li jrebbaħ sa 29 premju, il-KESE jixtieq isaħħaħ il-viżibbiltà tal-proġetti u l-inizjattivi li taw kontribut eċċellenti biex jindirizzaw l-emerġenza tal-COVID-19 u l-ħafna konsegwenzi serji tagħha f’kull Stat Membru u fir-Renju Unit.

Bl-istedina tiegħu lill-kandidati tar-Renju Unit biex japplikaw, il-KESE jixtieq juri li din hija kwistjoni li tiolqot lil kulħadd u li m’għandux l-intenzjoni li jikser ir-rabtiet mas-soċjetà ċivili f’dan l-eks-Stat Membru iżda, għall-kuntrarju, jixtieq iżomm relazzjonijiet mill-qrib.

Il-KESE, il-korp tal-UE li jagħti leħen lill-NGOs, lit-trade unions u lill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fil-livell tal-UE, jixtieq li b’dan il-mod jagħti ġieħ lis-solidarjetà Ewropea u jonora lil dawk kollha li qed juru din is-solidarjetà billi jiġġieldu kontra l-coronavirus b’kuraġġ, impenn u sens kbir ta’ responsabbiltà.

L-inizjattivi proposti għall-premju jistgħu jkopru firxa wiesgħa ta' temi, bħalma huma:

  • azzjonijiet marbutin mas-saħħa, it-tagħmir tas-saħħa, l-apparat mediku, l-assistenza u l-kura;
  • inizjattivi temporanji li għandhom l-għan li jimmitigaw l-effetti immedjati tal-kriżi tal-coronavirus u li jaqdu l-ħtiġijiet urġenti tal-gruppi destinatarji;
  • miżuri speċifiċi li jgħinu lill-persuni jew ‘l-gruppi l-aktar fil-bżonn, żvantaġġati jew vulnerabbli (inklużi r-refuġjati), jipproteġuhom mill-marda nnifisha u jtaffu l-impatt tal-kriżi;
  • inizjattivi marbutin mas-sitwazzjoni ta' gruppi destinatarji speċifiċi waqt il-lockdown;
  • inizjattivi li għandhom l-għan li jindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi tas-saħħa għall-ekonomija u għall-impjiegi;
  • inizjattivi li jappoġġjaw l-irkupru tal-ekonomija Ewropea jew ta' setturi speċifiċi wara l-effetti tal-pandemija;
  • inizjattivi mmirati biex itejbu l-kapaċità ta’ reazzjoni f’każ ta’ kriżi futura simili.

 

Il-lista mhix eżawrjenti.

Aħna ġentilment nistiednuk tħeġġeġ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, individwi u kumpaniji privati f'pajjiżek biex japplikaw għall-Premju tal-KESE għas-Solidarjetà Ċivili u b'hekk jgħinu biex jingħata rikonoxximent għal proġetti siewja.