European Economic
and Social Committee
Il-qtil tal-ġurnalisti mhux se jsikket il-verità
Wieħed mill-kelliema fil-panel waqt l-avveniment tal-2024 Nikkollegaw l-UE dwar il-ġurnaliżmu investigattiv kien Lukáš Diko, direttur taċ-Ċentru Investigattiv Ján Kuciak. Huwa tkellem magħna dwar il-ħidma tal-ġurnalisti investigattivi fis-Slovakkja llum, fejn l-appoġġ inizjali għall-istampa ħielsa u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni wara l-qtil ta’ Ján Kuciak qalbu għal nuqqas ta’ fiduċja fil-media indipendenti u atmosfera ostili lejn il-ġurnalisti.
1. Il-qtil tal-kollega tiegħek Ján Kuciak, l-ewwel assassinju ta’ ġurnalist fis-Slovakkja mill-indipendenza ’l hawn kien xokk mhux biss f’pajjiżek iżda wkoll fl-UE. X’inhuma l-aħħar aħbarijiet dwar il-każ legali kontra l-qattiela?
Għaddew sitt snin u nofs minn mindu Ján Kuciak u l-għarusa tiegħu Martina Kušnírová nqatlu minħabba l-ħidma investigattiva ta’ Ján. Minkejja dan, il-proċess għadu għaddej u jista’ jdum saħansitra aktar. Sal-lum, l-assassin, is-sewwieq tiegħu, u l-middleman ġew ikkundannati għal sentenzi twal ta’ ħabs. Madankollu, il-proċessi tal-allegat moħħ wara l-assassinju, in-negozjant Marian Kočner, u l-assoċjat mill-qrib tiegħu Alena Zsuzsová, li, skont l-investigazzjoni, ordnaw il-qtil, qed jistennew deċiżjonijiet ta’ appell mill-Qorti Suprema. Zsuzsová ġiet ikkundannata mill-qorti tal-ewwel istanza waqt li Kočner ġie lliberat. Hemm ukoll il-possibbiltà li skont id-deċiżjoni li jmiss isir proċess ġdid. Kemm Kočner kif ukoll Zsuzsová kienu ilhom il-ħabs għal reati oħra. Aħna fiċ-Ċentru Investigattiv Ján Kuciak qed insegwu l-proċess mill-qrib ħafna peress li wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħna huwa li nippreżervaw il-legat ta’ Jan billi nkomplu l-ħidma investigattiva tiegħu.
2. Wara x-xokk inizjali u l-protesti kontra l-qtil li wasslu biex jirriżenja l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Robert Fico, fil-fehma tiegħek, x’kien li nbidel fl-opinjoni pubblika biex is-Sur Fico jerġa’ jikseb is-setgħa?
Wara l-qtil ta’ Ján u Martina fl-2018, is-soċjetà kollha kienet fi stat ta’ xokk. Is-Slovakkja rat l-akbar protesti popolari tagħha mir-Rivoluzzjoni tal-Bellus tal-1989 li kienet wasslet għall-waqgħa tal-komuniżmu. Il-protesti wasslu għar-riżenja tal-Prim Ministru Robert Fico u l-Ministru għall-Intern Robert Kaliňák. In-nies appoġġaw lill-ġurnalisti, kulħadd ried ikun ġurnalist investigattiv u l-korruzzjoni kien fuq moħħ in-nies. L-oppożizzjoni rikbet din il-mewġa u rebħet l-elezzjoni fl-2020 b’aġenda kontra l-korruzzjoni. Iżda ftit wara, il-pandemija tal-COVID-19 bdiet bil-problemi kollha tagħha u ġestjoni ħażina u taqlib politiku. Bħala politiku ta’ esperjenza, Robert Fico kkapitalizza mill-protesti kontra t-tilqim, u din tatu momentum. Mal-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna, huwa intensifika wkoll in-narrattivi tiegħu favur ir-Russja, li għenu lill-partit tiegħu, Smer, jerġa’ jikseb appoġġ. Is-Slovakkja hija partikolarment vulnerabbli għall-propaganda u l-aħbarijiet foloz, u dawn il-fatturi kkontribwew biex Robert Fico u l-partit tiegħu jirbħu l-elezzjonijiet tal-2023.
3. Kemm hu perikoluż illum il-ġurnata li tkun ġurnalist investigattiv fis-Slovakkja? X’theddid ġdid qed tiffaċċja f’xogħlok?
F’dawn l-aħħar ftit snin erba’ ġurnalisti investigattivi nqatlu fi Stati Membri tal-UE. Daphne Caruana Galizia f’Malta fl-2017, Ján Kuciak fis-Slovakkja fl-2018, Giorgos Karaivaz fil-Greċja fl-2021 u Peter de Vries fin-Netherlands fl-2021. Li tkun ġurnalist investigattiv sar perikoluż fl-Ewropa. Iżda nistgħu naraw ukoll li l-qtil ta’ ġurnalist wieħed mhux se jsikket il-verità u l-verità se titla’ fil-wiċċ. Rajna dan iseħħ f’dawk il-pajjiżi kollha.
Minkejja dawk l-assassinji orribbli, xorta nistgħu naraw għadd dejjem akbar ta’ attakki verbali jew online kontra ġurnalisti fis-Slovakkja, spiss imħajra minn politiċi inkluż il-prim ministru, u spiss inċitaw fastidju u kampanji ta’ malafama kontra l-ġurnalisti. Din l-atmosfera ostili kontra l-ġurnalisti u l-media indipendenti twassal għal atti oħra kontrihom. Reċentement, rajna żieda fis-SLAPPs, pereżempju, il-Prim Ministru Fico fittex lill-kap editur ta’ Aktuality.sk talli uża r-ritratt tiegħu fuq il-qoxra ta’ ktieb. U l-aktar każ reċenti kien jinvolvi l-użu ħażin tal-infurzar tal-liġi biex jiġu intimidati l-ġurnalisti, li ġara lill-kollega tagħna miċ-Ċentru Investigattiv Ján Kuciak. Dawn l-attakki kollha jwasslu biex il-fiduċja tal-pubbliku fil-media indipendenti tiġi mminata kif ukoll atmosfera ostili ġenerali lejn il-ġurnalisti. B’konsegwenza ta’ dan, l-għadd ta’ ġurnalisti investigattivi fil-pajjiż qed jonqos, u mhux ħafna żgħażagħ qed jaspiraw li jsiru ġurnalisti investigattivi. Fuq nota pożittiva, aħna fiċ-Ċentru Investigattiv Ján Kuciak bdejna l-proġett Safe.journalism.sk, li jipprovdi taħriġ fis-sigurtà personali u diġitali għall-ġurnalisti kif ukoll għajnuna legali u psikosoċjali lill-ġurnalisti li jiffaċċjaw theddid u attakki.
Lukáš Diko huwa l-kap editur u president taċ-Ċentru Investigattiv Ján Kuciak. Lukáš huwa ġurnalist investigattiv u figura mexxejja tal-media b’aktar minn 20 sena esperjenza. Huwa ħadem bħala direttur tal-aħbarijiet, l-isport u l-affarijiet pubbliċi tax-xandar pubbliku Slovakk RTVS. Lukaš huwa wkoll koawtur tal-Kodiċi tal-Etika tal-ġurnalisti Slovakki adottat fl-2011.