Mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE

Fit-8 ta’ April, in-Network Ewropew Kontra l-Faqar (EAPN) nieda l-aħħar Rapport tiegħu dwar il-Faqar, intitolat Lejn approċċ sistemiku għall-protezzjoni soċjali.

Ir-rapport, ippreżentat għall-ewwel darba f’avveniment koorganizzat mal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE fi Brussell, jindirizza l-isfidi li jeħtieġ jingħelbu biex jiġu żgurati sistemi ta’ protezzjoni soċjali b’saħħithom u reżiljenti. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-kuntest attwali, hekk kif l-istati soċjali tal-UE qed iħabbtu wiċċhom ma’ restrizzjonijiet finanzjarji dejjem akbar minħabba l-limitazzjonijiet fl-infiq nazzjonali u l-infiq li qed jiżdied fuq id-difiża u s-sigurtà.

Ir-rapport, abbażi tas-sejbiet minn 19-il organizzazzjoni nazzjonali membri tal-EAPN, juri li l-kisba ta’ approċċ sistemiku għal protezzjoni soċjali komprensiva u effettiva teħtieġ politiki inkorporati fi strateġiji integrati u fit-tul li jallinjaw id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Dawn il-politiki jridu jkunu bbażati fuq evidenza soda, data u l-parteċipazzjoni sinifikanti tal-persuni li jesperjenzaw il-faqar.

In-networks nazzjonali tal-EAPN qed jesprimu tħassib dwar it-tnaqqis fl-infiq soċjali. Barra minn hekk, l-indikaturi bħal-livelli għoljin ta’ benefiċċji soċjali li mhux jintużaw qed ikomplu jqajmu tħassib dwar l-effiċjenza tal-politiki li mhux jilħqu lil dawk li jeħtieġu l-benefiċċji soċjali u li huma eliġibbli għalihom.

Skont ir-rapport, ir-rispons għal dinja li qed tinbidel malajr ikkaratterizzata mid-diġitalizzazzjoni, il-gwerra, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u t-tibdil fil-klima ma kienx adegwat, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit mill-ġdid approċċ sistemiku għall-politiki soċjali.

Juliana Wahlgren, direttur tal-EAPN, enfasizzat l-urġenza tal-kwistjoni, u qalet: “Jeħtieġ li l-UE tħares l-istat soċjali u tipprijoritizza l-infiq soċjali. Għal dan l-għan, ir-Rapport dwar il-Faqar jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar l-introjtu minimu, il-kriżi tal-akkomodazzjoni u t-tranżizzjoni tal-enerġija, fost affarijiet oħra. L-effiċjenza u l-adegwatezza huma essenzjali. Is-sena d-dieħla, il-Kummissjoni Ewropea se tniedi l-istrateġija tal-UE kontra l-faqar, iżda din tista’ tirnexxi biss jekk l-Istati Membri jadottaw approċċ tabilħaqq sistemiku għall-protezzjoni soċjali. B’aktar minn 20 % tal-popolazzjoni tal-UE f’riskju ta’ faqar, ma nistgħux nibqgħu sejrin b’politiki frammentati – il-protezzjoni soċjali trid tkun b’saħħitha, ikkoordinata u effettiva.”

Séamus Boland, il-President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, qal: “Biex neqirdu l-faqar, l-Istati Membri kollha jridu jaħdmu bla heda. Ħafna mill-faqar esperjenzat fl-UE huwa interġenerazzjonali u jista’ jaffettwa ħajjet it-tfal u l-anzjani b’mod partikolarment iebes. Fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni u l-enerġija bi prezz għoli, għandhom jiġu introdotti miżuri speċjali li jindirizzaw id-dgħufijiet tas-sistema. Jekk mhux se jsir hekk, l-UE bħala entità politika se tbati biex tikseb il-fiduċja taċ-ċittadini tagħha.”

Krzysztof Balon, Viċi President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, u relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar l-ewwel strateġija tal-UE kontra l-faqar li qatt saret, u li tħabbret fil-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2024-2029, qal: “Strateġija tal-UE kontra l-faqar trid tibni fuq l-esperjenzi taċ-ċittadini li qed iħabbtu wiċċhom mal-faqar u tindirizza l-ħtiġijiet tagħhom. Għandha tappoġġja wkoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tinvolvihom fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti u miżuri adegwati għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.”

L-Opinjoni tal-KESE se tiġi ppreżentata fis-sessjoni plenarja tal-KESE tas-16 u s-17 ta’ Lulju.