European Economic
and Social Committee
Séamus Boland huwa l-President il-ġdid tal-Grupp Diversità Ewropa
Mill-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE
Mal-bidu tal-mandat il-ġdid tal-KESE (2020-2025), Séamus Boland ħa f’idejh il-presidenza tal-Grupp Diversità Ewropa. Il-Grupp ikkonferma r-rwol il-ġdid tiegħu matul l-ewwel laqgħa tal-mandat il-ġdid li saret fis-27 ta’ Ottubru.
“Il-faqar u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiġġilduh” se jkun il-punt fokali tal-presidenza tas-Sur Boland. F’konformità mas-suġġett, il-prijoritajiet tal-Grupp għall-mandat presidenzjali 2020-2023 jinkludu:
- l-indirizzar tal-impatti tal-COVID-19 fuq is-soċjetà;
- l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku flimkien mal-partijiet interessati kollha, abbażi tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli dwar “It-tmiem tal-faqar fil-forom kollha tiegħu kullimkien”;
- li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-pjattaformi Ewropej, jiġu involuti fil-ħidma tal-Grupp;
- li l-membri kollha tal-Grupp jiġu involuti fil-ħidma, filwaqt li jinżamm bilanċ b’saħħtu bejn il-ġeneri;
- il-promozzjoni aktar effiċjenti tal-ħidma tal-Grupp fost l-istituzzjonijiet l-oħra u l-pubbliku inġenerali.
Il-kandidatura ta’ Séamus Boland għall-presidenza kienet immexxijja minn xewqa li jiġi promoss ir-rwol tas-soċjetà ċivili u li jissaħħaħ leħinha. L-Irlandiż issuġġerixxa li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet wesgħin tas-soċjetà ċivili u jiġu żgurati ħidma ta’ kwalità u proċeduri robusti fi ħdan il-KESE għal dan il-għan.
Il-President il-ġdid ser jippresiedi l-Grupp Diversità Ewropea flimkien ma’ seba’ Viċi Presidenti:
Pietro Vittorio Barbieri (IT), Jan Dirx (NL), Kinga Joó (HU), Rudolf Kolbe (AT), Ariane Rodert (SE), Simo Tiainen (FI) u Ioannis Vardakastanis (EL).
Matul is-sessjoni plenarja inawgurali tal-KESE f’Ottubru, il-plenarja ħatret membri tal-Grupp Diversità Ewropa f’pożizzjonijiet differenti ta’ tmexxija. Cillian Lohan inħatar Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni, fost l-oħrjan.
Għal aktar informazzjoni dettaljata, żur il-paġna web tal-Grupp.