Fid-dawl tal-impatt soċjali u ekonomiku diżastruż tal-kriżi tal-COVID-19, f’żewġ Opinjonijiet tiegħu l-KESE spjega l-fehmiet tiegħu dwar il-kriżi ekonomika attwali u dwar il-perspettivi ta’ rkupru fl-UE.

Minn naħa waħda, il-korp konsultattiv iqis li l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-pjan Next Generation EU huma milqugħin tajjeb u f’waqthom. Kwalunkwe dewmien bla bżonn fl-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjan fih riskju li jipperikola l-irkupru ekonomiku tal-UE.

Min-naħa l-oħra, il-membri tal-KESE jwissu li l-Istati Membri hemm bżonn li jagħtu spinta lill-investiment pubbliku u joħolqu sinerġiji mal-investiment privat: il-klawsola liberatorja tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-flessibbiltà massima fir-regoli tal-Għajnuna mill-Istat jeħtieġ japplikaw mill-inqas sakemm ikun ġie stabbilit bis-sħiħ l-irkupru ekonomiku b’mod kumplessiv u sakemm il-qgħad ikun naqas b’mod sinifikanti.

B’mod ġenerali, l-UE għandha bżonn bidla lejn governanza ekonomika ffukata fuq il-prosperità u bbażata fuq is-solidarjetà, għax l-introduzzjoni mill-ġdid tal-awsterità ġġib fix-xejn il-benefiċċji tal-pjan Next Generation EU.

Philip von Brockdorff, relatur tal-Opinjoni dwar Strateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020 qal li: “Il-KESE jqis l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli bħala opportunità biex il-mudell ekonomiku dominanti jsir ħafna aktar reżiljenti u sostenibbli, u biex l-objettivi ekonomiċi u soċjali jingħataw l-istess importanza.”

Judith Vorbach, korelatur tal-Opinjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro , saħqet li: "Sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun u jiġu evitati l-impatti gravi tal-COVID-19 u tat-tibdil tal-klima, il-KESE jirrakkomanda governanza ekonomika ffukata fuq il-prosperità, żieda fl-investiment fit-tkabbir sostenibbli, infurzar tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u riforma tal-politiki tat-tassazzjoni."

Iż-żewġ Opinjonijiet, li ġew adottati fil-plenarja ta’ Ottubru 2020, huma l-kontribut tal-KESE għall-Pakkett tas-Semestru tal-Ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss u għad-diskussjonijiet interistituzzjonali li mistennija jsegwu. Aqra dwar l-aħbar sħiħa hawn. (na)