Id-dimensjoni soċjali trid tiġi inkluża f’regoli ġodda dwar prodotti sostenibbli

Fil-plenarja tiegħu ta’ Lulju, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) stieden lill-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ l-aspetti soċjali tal-proposti ewlenin biex tallinja r-regoli tal-UE dwar prodotti sostenibbli, l-ekodisinn u tessuti sostenibbli.

Il-KESE adotta Opinjonijiet dwar il-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni dwar prodotti sostenibbli Nagħmlu l-prodotti sostenibbli bħala n-norma, l-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn u dwar strateġija għal tessuti sostenibbli.

Il-proposti huma parti minn pjan ġdid tal-ekonomija ċirkolari tal-UE u ser iżidu l-isforzi biex l-Ewropea tkun inqas dipendenti mil-lat ta’ riżorsi quddiem il-kriżijiet attwali, li jinkludu l-pandemija tal-COVID-19, il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna u t-tibdil fil-klima.

Fl-Opinjoni dwar il-pjan direzzjonali għal prodotti sostenibbli u r-regolazzjoni tal-ekodisinn, il-KESE jemmen li l-istrateġija tal-ekonomija ċirkolari tal-UE se tirnexxi biss jekk il-produtturi, il-konsumaturi u l-ħaddiema, kif ukoll l-awtoritajiet, ikunu involuti u infurmati kif xieraq.

L-implimentazzjoni b’suċċess tagħha se tirrikjedi regoli ċari, li jagħmlu sens u konsistenti. Dawn huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat li prodotti sostenibbli jkunu kompetittivi u sabiex tkun iżjed inklużiva t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.

Ambitu usa’ għal regolazzjoni ġdida tal-ekodisinn

Għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, huma meħtieġa rekwiżiti ġodda dwar id-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija, ir-riċiklaġġ, l-impatt ambjentali u l-emissjonijiet tas-CO2 tal-prodotti, kif ukoll regoli mtejba dwar l-informazzjoni pprovduta fuq passaporti u tikketti diġitali tal-prodotti.

Madankollu, ir-regolament propost jinjora d-dimensjoni soċjali. Referenza għall-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva ma titqiesx suffiċjenti.

Hija meħtiġa enfasi akbar fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u fuq it-tħaddim tat-tfal

F’Opinjoni separata dwar tessuti sostenibbli, il-KESE enfasizza li hija meħtieġa enfasi akbar fuq l-aspetti soċjali tas-settur tat-tessuti, notevolment id-drittijiet tal-ħaddiema u n-negozjar kollettiv. Il-KESE jappella għal miżuri stretti li jipprojbixxu relazzjonijiet ekonomiċi ma’ negozji li jużaw it-tħaddim tat-tfal jew li jonqsu milli jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti.

Barra minn hekk, il-KESE jissuġġerixxi li n-nies għandhom jixtru u jilbsu ħwejjeġ b’sens ta’ responsabbiltà.
Konformi ma’ din is-sejħa, huma meħtieġa investimenti u programmi sabiex jitjieb l-korpi ta’ spezzjoni u l-kapaċità operattiva tal-imsieħba soċjali għall-monitoraġġ tal-ftehimiet globali u d-drittijiet tal-ħaddiema.

Fl-aħħar nett, sabiex jiġi żgurat ekwilibriju bejn in-negozji u oħrajn fil-ktajjen tal-provvista tas-settur tat-tessuti, il-KESE jirrakkomanda t-tnedija ta’ prattiki tajba globali għas-sostenibbiltà. (ks)