European Economic
and Social Committee
Is-settur tal-UE tal-materji prima: il-KESE jitlob id-digitalizzazzjoni tal-estrazzjoni mill-minjieri
L-iżgurar ta’ aċċess sostenibbli għall-materja prima, inklużi l-metalli, il-minerali industrijali u l-materja prima tal-kostruzzjoni, u b’mod partikolari l-materja prima kritika (CRM), huwa ta’ importanza kbira għall-ekonomija Ewropea, fejn mill-inqas 30 miljun impjieg jiddependu mid-disponibbiltà tal-materja prima. Il-pandemija tal-COVID-19 li tinsab għaddejja qed tenfasizza l-importanza tat-trasformazzjoni diġitali.
Fil-plenarja tiegħu ta’ Settembru, u f’mument kruċjali għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku u l-Pjan ta’ rkupru tal-UE, il-KESE adotta Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar L-estrazzjoni diġitali fl-Ewropa: soluzzjonijiet ġodda għall-produzzjoni sostenibbli tal-materja prima.
Id-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-materja prima tal-UE hija opportunità unika biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista industrijali Ewropej, biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-settur tal-minerali u biex jiżdiedu t-trasparenza u d-djalogi maċ-ċittadini u l-komunitajiet affettwati mill-attivitajiet ta’ estrazzjoni.
Ir-relatur għall-Opinjoni Marian Krzaklewski qal li “t-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-estrazzjoni teħtieġ sforz ambizzjuż biex jitwettqu bidliet legali u regolatorji, u li dan l-isforz għandu jsir taħt l-awspiċju tal-organizzazzjonijiet sovranazzjonali u fil-livell tad-dritt internazzjonali”.
Il-KESE jenfasizza l-importanza li jkun hemm network globali u komprensiv tal-intelligence dwar il-minerali sabiex jirfed it-trasformazzjoni diġitali u t-teħid tad-deċiżjonijiet b'mod informat fil-livell tal-UE. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) qed jiżviluppa u jżomm sistema ta' informazzjoni Ewropea dwar il-materja prima, kif rikonoxxut mill-KESE.
Il-KESE jemmen li l-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw b’mod attiv it-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-estrazzjoni tal-UE. Dan huwa pass kruċjali biex tiżdied ir-reżiljenza tal-industrija tal-UE u tal-katina tal-valur tal-materja prima. Il-minjieri li jużaw it-teknoloġiji diġitali, inklużi l-awtomatizzazzjoni integrata, in-networks konjittivi u l-użu ta’ analitika f’ħin reali huma aktar effiċjenti, nodfa u sikuri. L-impronti ambjentali mnaqqsa u l-ambjenti aktar sikuri huma eħfef biex jinkisbu fil-“minjieri intelliġenti”, u dan huwa kruċjali biex tinkiseb il-liċenzja soċjali biex joperaw fl-Ewropa. (ks)