F’Marzu 2020 il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ippreżentat l-istrateġija l-ġdida dwar l-Afrika bil-għan li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani jissawru mill-ġdid. Qabel is-Summit UE-Afrika mistenni bil-ħerqa, il-KESE għamel pass ieħor billi ppropona sħubija sostenibbli bejn l-UE u l-Afrika bbażata fuq id-drittijiet universali tal-bniedem, l-istrutturi demokratiċi, l-investimenti fit-tul fl-infrastruttura u l-inklużjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili organizzata. Din ir-relazzjoni ġdida proposta bejn l-UE u l-Afrika ma tistax tinbena fuq l-approċċ antikwat tal-politika industrijali u t-tkabbir, li huwa ta’ ħsara għall-pjaneta u għandu konsegwenzi soċjali negattivi ħafna. Il-fokus, skont il-KESE, irid ikun fuq it-tqassim ġust tal-ġid u l-ħolqien ta' strutturi tal-istat soċjali.

F’termini prattiċi, il-KESE jindika li s-sħubija ta’ żvilupp tal-UE trid tappoġġja aktar lill-ħolqien ta’ sistemi lokali tal-edukazzjoni pubblika fil-livelli kollha, billi jitwessa’ l-programm Erasmus+. L-għan aħħari jkun li jiġi evitat l-“eżodu ta’ mħuħ” mill-Afrika lejn l-UE u li tinqeleb it-tendenza tal-migrazzjoni.

Luca Jahier, il-President tal-KESE li għadu kif temm il-mandat tiegħu, indika li l-Afrika kienet waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-mandat tiegħu u enfasizza li l-proġett li għaddej bħalissa li tinbena żona ta’ kummerċ ħieles kontinentali Afrikana toħloq sinerġiji mas-suq intern tal-UE. Is-Sur Jahier semma l-migrazzjoni u l-involviment meħtieġ tas-soċjetà ċivili Afrikana fis-sħubija UE-AKP li jmiss u kkonkluda billi qal li “l-Afrika ma tilfitx il-post ċentrali tagħha fl-aġenda tal-KESE minkejja l-pandemija tal-COVID-19”. (dgf)