Fis-17 ta’ Settembru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ospita ċ-ċerimonja ta’ tmiem il-mandat tiegħu matul l-aħħar sessjoni plenarja qabel il-mandat li jmiss f’Ottubru. Luca Jahier, President tal-KESE minn April 2018, wera l-gratitudni tiegħu lill-membri kollha u enfasizza l-kontribut importanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rrappreżentati fil-KESE għall-proġett Ewropew.

Fl-aħħar diskors tiegħu bħala president, Luca Jahier tkellem dwar il-prijoritajiet ewlenin tal-mandat tiegħu, jiġifieri l-iżvilupp sostenibbli, ir-relazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Afrika, it-tkabbir tal-UE, u l-kultura bħala element ta’ għaqda fl-Ewropa. Huwa saħaq ukoll dwar il-kontribut li għamel il-KESE f’dawn l-aħħar ftit snin biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed tiffaċċja l-UE: pereżempju, il-KESE kien l-ewwel istituzzjoni Ewropea li pproponiet Unjoni Ewropea tas-Saħħa. Huwa wera t-tama li l-KESE jkun jista’ jieħu sehem attiv fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa proposta mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, bagħtet messaġġ vidjo biex tfaħħar “il-ħidma eċċellenti” tal-KESE fl-aħħar ħames snin u l-kontribut importanti tiegħu għall-proċedura leġiżlattiva tal-UE. David Sassoli, President tal-Parlament Ewropew, bagħat ukoll messaġġ vidjo fejn esprima r-rieda tiegħu li jaħdem aktar mill-qrib mal-KESE biex joħloq djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili organizzata. Klara Dobrev, Viċi President tal-Parlament Ewropew, tkellmet waqt il-plenarja tal-KESE biex tisħaq dwar il-fatt li “xejn ma jista’ jinbidel fid-dinja mingħajr l-appoġġ tal-poplu; u r-rwol tal-KESE huwa li jidħol f’kuntatt mas-soċjetà ċivili organizzata, ma’ persuni reali, ilkoll bi sfondi u ħtiġijiet differenti”. (dgf)