Ir-rieżami tal-governanza ekonomika 2020 tal-Kummissjoni Ewropea huwa f’waqtu u għandu jwitti t-triq għal riforma komprensiva, u jagħmel “bidla” għal qafas rivedut u bbilanċjat mill-ġdid minflok “ritorn” għan-normal. F’Opinjoni abbozzata minn Judith Vorbach u Tommaso Di Fazio u li ġiet adottat fis-sessjoni plenarja ta’ Settembru, il-KESE jsostni li tinħtieġ politika ekonomika ġdida fil-livell tal-UE, politika li tenfasizza l-prosperità biex jiġi promoss il-benesseri tan-nies kif ukoll firxa ta’ objettivi tal-politika ewlenin, bħat-tkabbir sostenibbli u inklużiv, livell massimu ta’ impjiegi u x-xogħol deċenti, it-tqassim ġust tal-ġid materjali, is-saħħa pubblika u l-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà ambjentali, l-istabbiltà tas-suq finanzjarju u l-istabbiltà fil-prezzijiet, ir-relazzjonijiet kummerċjali bbilanċjati sew, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva u finanzi pubbliċi stabbli.

Hija u tħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissoktaw bir-riflessjoni tagħhom dwar ir-regoli attwali tal-UE fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, is-Sinjura Vorbach qalet li “Jeħtieġ li nirrevedu u nimmodernizzaw b’mod urġenti l-qafas tal-governanza ekonomika. Dan għandu jkun aktar ibbilanċjat u jkollu l-prosperità fil-qalba tiegħu, filwaqt li jippromovi l-benesseri tan-nies fl-Ewropa. Ħadd ma għandu jitħalla l-art. Mod wieħed kif dan jista’ jinkiseb huwa billi tiġi applikata r-“regola tad-deheb” għall-investiment pubbliku biex jiġu ssalvagwardjati l-produttività u l-bażi soċjali u ekoloġika għall-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri. Punti importanti oħra huma l-iżgurar ta’ dħul pubbliku suffiċjenti, politika ta’ tassazzjoni ġusta u l-mitigazzjoni tal-influwenza ta’ indikaturi ekonomikament dubjużi fuq it-tfassil tal-politika. Huwa essenzjali wkoll li l-Parlament Ewropew, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili kollha kemm hi jiġu involuti aktar mill-qrib.”

Huwa u jtenni l-kliem tagħha, is-Sur Di Fazio żied jgħid: “Il-kriżi tal-COVID-19 hija xokk enormi, li jirrikjedi setgħa finanzjarja sħiħa. Hemm bżonn ta’ armonija tal-għanijiet sabiex jitrażżnu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta’ din il-pandemija u biex il-piż tad-dannu jinqasam b’mod ġust fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom. Diġà ġew stabbiliti miżuri importanti fuq medda qasira ta’ żmien bħall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-qafas fiskali. Madankollu, minflok ma mmorru għal “ritorn għan-normal” malajr wisq, irridu nagħmlu qabża ’l quddiem u nagħmlu “bidla” lejn viżjoni ekonomika riveduta, waħda li żżid l-investiment fit-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp, u l-attivitajiet produttivi strateġiċi." (mp)