It-tranżizzjoni enerġetika teħtieġ viżjoni politika ċara, peress li mhijiex biss kwistjoni teknoloġika iżda wkoll sfida soċjali profonda. Fl-Opinjoni mħejjija minn Lutz Ribbe u Thomas Kattnig, adottata fis-sessjoni plenarja tal-Kumitat f’Settembru, il-KESE jenfasizza li s-sistema tal-enerġija futura se teħtieġ elementi ċentralizzati u deċentralizzati. Madankollu, l-organizzazzjoni tagħha ma tistax titħalla għal riħha.

Matul id-dibattitu, is-Sur Ribbe qal li: “Tinħtieġ viżjoni ċara dwar jekk għandhiex tingħata prijorità lid-deċentralizzazzjoni jew liċ-ċentralizzazzjoni. Wara kollox, it-tranżizzjoni enerġetika tal-Ewropa qabelxejn teħtieġ ċertezza ta’ investiment kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat, li tista’ tinkiseb biss jekk jittieħdu deċiżjonijiet fundamentali ċara.”

Fuq l-istess nota, is-Sur Kattnig żid jgħid li: “Il-ħaddiema, it-trade unions u l-konsumaturi jeħtiġilhom ikunu involuti fit-tranżizzjoni enerġetika, kif imwiegħed minn dawk li jfasslu l-politika u kif mitlub bil-qawwa mill-KESE. Madankollu, hawnhekk ukoll, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħallew aktar mistoqsijiet miftuħa milli tweġibiet. Barra minn hekk, l-inizjattivi attwali tal-politika dwar l-enerġija se jipprevjenu l-parteċipazzjoni wiesgħa taċ-ċittadini, aktar milli jħeġġuha.”

Sistemi ċentralizzati u deċentralizzati għandhom kemm vantaġġi kif ukoll żvantaġġi. F’sistema ċentralizzata, il-ħolqien tal-valur huwa tipikament ikkonċentrat fuq numru żgħir ta’ atturi. F’sistema deċentralizzata, madankollu, il-konsumaturi jistgħu jikkontribwixxu bħala klijenti attivi, komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini, bdiewa, SMEs u intrapriżi muniċipali. (mp)