Il-ferroviji għandu jkollhom rwol prominenti fil-mobbiltà futura tal-UE u jsiru l-mezz primarju tat-trasport. Għal din ir-raġuni, il-KESE jappoġġja bi pjaċir lill-Kummissjoni Ewropea fil-proposta tagħha biex l-2021 tkun immarkata bħala s-sena tal-Ferroviji.

Fl-Opinjoni approvata fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju u abbozzata minn Alberto Mazzola, il-Kumitat jgħid li, minn naħa, l-UE trid tinvesti aktar fil-ferroviji f’konformità mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u, min-naħa l-oħra, trid iżżid il-viżibbiltà tagħhom, filwaqt li toħloq dibattitu dwar is-servizzi tal-passiġġieri, inkluż dwar il-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, id-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali.

Fl-isfond tas-Sena Ewropea tal-Ferroviji fl-2021, il-ferroviji se jkunu ppreżentati bħala eżempju ċar ta’ mobbiltà intelliġenti u mezz ta’ trasport innovattiv u sikur, bi sforzi biex jintlaħaq il-pubbliku inġenerali, speċjalment iż-żgħażagħ. Il-proġetti, id-dibattiti, l-avvenimenti, il-wirjiet u l-inizjattivi organizzati fl-Ewropa kollha se jkunu mmirati lejn iċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet, u se jagħtu spjega għaliex il-ferroviji huma mezz attraenti u sostenibbli għall-ivvjaġġar madwar l-Ewropa, filwaqt li jpoġġu enfasi fuq l-aspett li dawn ikopru l-UE kollha.

Waqt li kien qed jikkummenta fil-plenarja, is-Sur Mazzola enfasizza li din l-inizjattiva “għandha tkun ukoll opportunità biex issir komunikazzjoni aħjar dwar l-attraenza ta’ karriera fil-qasam ferrovjarju, speċjalment għaż-żgħażagħ Ewropej, permezz tal-appoġġ ta’ inizjattivi konġunti mal-imsieħba soċjali, mal-universitajiet, mal-komunità akkademika inġenerali, kif ukoll mal-organizzazzjonijiet Ewropej taż-żgħażagħ”. (mp)