Iż-żgħażagħ għandhom jirċievu l-istess paga u benefiċċji tas-sigurtà soċjali bħal ħaddiema oħra, inkluż l-istess paga minima, li għadu mhux il-każ fl-Istati Membri kollha.

Skont il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), l-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom itemmu l-prattiki diskriminatorji kontra ż-żgħażagħ, bħall-pagi minimi baxxi għaż-żgħażagħ u traineeships mhux imħallsa. Iż-żgħażagħ iridu jiġu involuti b’mod aktar dirett fit-tfassil tal-politiki, speċjalment dawk li jolqtuhom.

Dawn it-talbiet, li tressqu mill-KESE f’żewġ Opinjonijiet adottati fis-sessjoni plenarja tiegħu tal-15 ta’ Ġunju, ikkoinċidew mal-adozzjoni mill-Parlament Ewropew ta’ rapport dwar traineeships ta’ kwalità tajba li fih il-Kummissjoni ntalbet tipproponi direttiva li tagħmilha illegali li jiġu impjegati apprendisti u trainees għal perjodi itwal mingħajr ħlas.

“Hemm wisq żgħażagħ li qed jiġu soġġetti għal pagi minimi aktar baxxi jew qed jidħlu għal internships mhux imħallsa u qed ikollhom esperjenza negattiva tas-suq tax-xogħol. Ma nistgħux nagħlqu għajnejna għal din ir-realtà fl-Istati Membri llum il-ġurnata,” qal Michael McLoughlin, relatur tal-Opinjoni dwar It-trattament ugwali taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol

“Iż-żgħażagħ għandhom dritt li jingħataw widen u li jieħdu azzjoni,” qalet Nicoletta Merlo, relatur tal-Opinjoni dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ mitluba mill-Presidenza Spanjola li jmiss tal-Kunsill tal-UE u li għandha l-għan li tagħti spinta ġdida lill-aġenda tal-UE għaż-żgħażagħ.

“Il-parteċipazzjoni tagħhom għandha titħeġġeġ tul il-proċess kollu tat-tfassil, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-politiki pubbliċi, li għandhom jenfasizzaw l-importanza tar-rwol tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u jikkunsidraw modi informali ġodda ta’ kif iż-żgħażagħ jingħaqdu, jikkooperaw u jimpenjaw ruħhom fi djalogu,” qalet is-Sinjura Merlo.

Il-KESE talab biex iż-żgħażagħ ikollhom l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol, benefiċċji tal-impjieg, sigurtà soċjali u assistenza soċjali bħal ħaddiema oħra. Skont il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali, iż-żgħażagħ għandhom ikunu intitolati għall-istess paga minima bħal ħaddiema oħra. Attwalment dan mhuwiex il-każ f’ċerti pajjiżi li stabbilixxew pagi minimi aktar baxxi separati għaż-żgħażagħ, minkejja l-fatt li ħaddiem żagħżugħ minn kull 4 jaqla’ paga minima, meta mqabbel ma’ ħaddiem wieħed minn kull 10 b’paga minima.

Il-President il-ġdid tal-KESE, Oliver Röpke, enfasizza ħafna t-tisħiħ tad-djalogu maż-żgħażagħ u l-involviment tagħhom fit-tfassil tal-politika.

F’diskussjoni mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li saret matul is-sessjoni plenarja, is-Sur Röpke qal: “Aħna nimpenjaw ruħna favur mudell aktar inklużiv li jqiegħed liż-żgħażagħ fil-qalba tal-proċess ta’ involviment. Hija l-prijorità politika tiegħi li niftaħ il-bibien tal-KESE għaż-żgħażagħ, u mhux beħsiebni nieqaf fil-fruntieri tal-UE. Irrid nilħaq l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ tal-pajjiżi kandidati wkoll.”
Fid-diskussjoni pparteċipaw ir-rappreżentanti tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, tal-Generation Climate Europe u tar-ReDI School of Digital Integration. (ll)