Christa Schweng and Ann Hardt

Nhar Jum l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) 2022, ospitat mill-KESE fit-2 ta’ Ġunju, il-kelliema u l-attivisti enfasizza li IĊE li tħalli iktar impatt tkun ukoll iktar popolari.

Il-KESE ċċelebra għaxar snin ta’ IĊE b’avveniment li ħa rendikont tal-kisbiet u l-isfidi waqt li jħares b’ħerqa lejn il-futur. Il-kelliema u l-attivisti pinġew stampa mħallta, b’xi suċċessi notevoli maġenb in-nuqqasijiet u d-dgħufijiet, u ġew enfasizzati l-impatt, l-aċċessibilità u l-viżibilità.

“Qegħdin niċċelebraw l-10 anniversarju ta’ din l-għodda parteċipattiva trasnazzjonali u li għadha unika,” qalet il-President tal-KESE Christa Schweng, hekk kif fetħet l-avveniment. “Għaxar snin huma twal ħafna: żgur li ksibna xi ftit esperjenza. Iżda huma wkoll qosra ħafna: għad fadlilna x’nitgħallmu, intejbu u nassiguraw li l-IĊE tikseb il-post li jistħoqqilha fil-proċess istituzzjonali tal-UE.”

Il-President tal-KESE ħabbret id-deċiżjoni tal-KESE li jadotta pożizzjoni dwar inizjattivi rilevanti ta’ suċċess qabel ma l-Kummissjoni Ewropea tagħti risposta, bl-ewwel inizjattiva tkun “Insalvaw in-naħal”. Se jagħti wkoll attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ u jimmonitorja kif l-Istati Membri qed jieħdu l-opportunità li jnaqqsu l-età minima għal 16 sabiex wieħed ikun jista’ jiffirma IĊE – għażla li s’issa saret realtà fi Stat Membru wieħed, flimkien ma’ tlieta oħra fejn l-età tal-votazzjoni diġà hija 16 jew 17-il sena.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Dubravka Šuica qalet: “L-IĊE hija eżempju tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet li jadattaw, jibdlu u jtejbu l-impenn tagħna maċ-ċittadini. L-attenzjoni tagħna trid tkun fuq li nkomplu niżviluppaw ekosistema ta’ innovazzjoni demokratika u impenn u parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-demokrazija.”

L-MEP Helmut Scholz issuġġerixa li, jekk il-Parlament Ewropew kellu jikseb id-dritt ta’ inizjattiva leġiżlattiva permezz ta’ bidliet fit-trattat wara l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, ikun jista’ jimpenja ruħu li jiżgura li jiġu segwiti l-IĊE li jħallu suċċess. 

Workshop wieħed iffoka fuq is-suċċess ta’ IĊE reċenti. L-inizjaturi tagħhom qablu li, fin-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji sostanzjali għall-kampanji, li l-ispiża tagħhom stmawha għal madwar EUR 300,000, l-appoġġ tal-NGOs kien kruċjali biex jinkisbu l-miljun firma meħtieġa. Huma enfasizzaw li n-nies jafdawhom u minħabba li jafdawhom, huma aktar lesti li jiffirmaw u jipprovdu l-informazzjoni personali meħtieġa mill-Istati Membri. 

Sessjoni oħra ħarset lejn il-popolarità tal-IĊE fost iż-żgħażagħ, li jikklassifikaw fuq quddiem fost l-inizjaturi, għalkemm mhux fost dawk li kellhom l-aktar suċċess. Il-kelliema ddiskutew kif l-istituzzjonijiet jistgħu jħeġġu aktar żgħażagħ jużaw għodod bħall-IĊE. Attivisti żgħażagħ enfasizzaw li l-edukazzjoni politika minn età żgħira hija meħtieġa madwar l-UE biex jiġi evitat li tali għodod ikunu aċċessibbli biss għal ftit persuni b’livell għoli ta’ edukazzjoni. Kun af aktar dwar l-avveniment (dm/rl)