It-trejdjunjinist Ġermaniż Peter Schmidt jagħtina għarfien dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw it-trade unions f’pajjiżu bl-assenzi mix-xogħol temporanji u bis-sensji minn naħa waħda, u b’ħaddiema essenzjali li jipperikolaw is-sikurezza tagħhom min-naħa l-oħra.

Int kif qed tesperjenza din il-kriżi tal-coronavirus?

Inħoss li qed ngħixu fi żminijiet surreali u qed niskopru kemm huma vulnerabbli s-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna.

X’effetti kellha din il-kriżi fuqek u fuq l-organizzazzjoni tiegħek?

Bħala trejdjunjinist, huwa essenzjali li ningħaqdu flimkien u nikkomunikaw ma’ xulxin. Il-libertà ta’ assoċjazzjoni hija element ewlieni tad-demokrazija tagħna. Qed naraw kemm hu importanti dan id-dritt u nirrealizzaw li ser ikollna niġġieldu biex nippreservawh fil-futur.

F’xi każijiet, fejn kellna relazzjonijiet eċċellenti ma’ min iħaddem, aħna sibna mezzi kif inżommu d-djalogu soċjali ħaj u qbilna dwar ftehimiet tajbin ħafna li jiggwadanjaw minnhom il-partijiet kollha. Iżda f’każijiet oħrajn kemm il-ħaddiema kif ukoll il-kumpaniji ħarġu telliefa.

Kif esperjenzajt il-lockdown?

L-aktar ħaġa impressjonanti għalija kienet li nara daqstant solidarjetà soċjali fost il-ġirien u l-ħbieb. Laqatni ħafna wkoll kif batta r-ritmu tas-soċjetà.

X’inhu l-aktar li ħassejt in-nuqqas tiegħu matul dan iż-żmien diffiċli?

Li niltaqa’ mal-ħbieb u l-familja, li mmur fir-ristoranti.

X’tagħlimiet nistgħu nisiltu mil-lockdown?

Li l-aktar nies importanti fis-soċjetà tagħna huma l-infermiera, l-assistenti fil-ħwienet, dawk li jiġbru ż-żibel, dawk li jindukraw u oħrajn, u madankollu, dawn għandhom l-aktar salarji baxxi. Il-virus espona d-dgħufija ekonomika tagħna, u din hija r-raġuni għaliex neħtieġu bidla lejn ekonomija tal-benesseri.

X’tama hemm għal dawk li l-impjiegi tagħhom huma mhedda?

Li l-Istati Membri ħadu t-tagħlimiet tagħhom u se jappoġġjawhom għal perjodu ħafna aktar minn kif kopert bil-kuntratti tagħhom.

Min huma l-ewwel persuni li tixtieq tara meta jgħaddi kollox?

Ommi. Hija tinsab f’dar tal-anzjani li għadha f’lockdown.