European Economic
and Social Committee
Sofia Björnsson: Solidarjetà lejn il-bdiewa fl-Iżvezja
Jiena naħdem għall-Federazzjoni ta’ Bdiewa Żvediżi (LRF), u fil-bidu tal-pandemija ħdimna ħafna biex niżguraw il-provvista tal-ikel.
Bħala l-LRF għandna skema għall-bdiewa fil-bżonn. Jekk bidwi jimrad, hemm gruppi li jistgħu jgħinu jieħdu ħsieb l-annimali jew jittrattaw aspetti prattiċi oħra matul iż-żmien li jkun marid. L-iskema ġiet stabbilita malajr f’Marzu.
L-LRF għen ukoll lin-negozji jqabblu lil dawk li qed ifittxu x-xogħol ma’ bdiewa neqsin minn ħaddiema – pereżempju, produttur tal-ħxejjex offra li jimpjega persuni minn lukanda fil-qrib li kellha tagħlaq, u hemm ħafna eżempji oħrajn. Bis-saħħa ta’ inizjattivi bħal dawn, u l-fatt li ħafna ħaddiema staġjonali minn pajjiżi oħrajn setgħu jiġu l-Iżvezja, is-setturi tal-biedja u tal-forestrija, li fil-bidu kienu neqsin mill-persunal, issa għandhom bejn wieħed u ieħor il-forza tax-xogħol li jeħtieġu.
Ħafna azjendi agrikoli, speċjalment produtturi tal-ħxejjex, kellhom ibiddlu l-uċuħ tar-raba’ din is-sena, u l-produtturi fil-foresti kellhom jipposponu ċerti attivitajiet. Madankollu, b’mod ġenerali, is-settur agrikolu (inkluża l-ortikultura) jidher li kien affettwat b’mod inqas qawwi fl-Iżvezja milli f’ħafna pajjiżi Ewropej oħra.
Madankollu, l-organizzazzjoni tagħna tħoss bil-qawwa li jeħtieġ li nestendu s-solidarjetà tagħna lil hinn mid-dinja tal-biedja, u ħaġa waħda prattika li stajna nagħmlu biex ngħinu kienet li nagħtu folji tal-plastikk mill-proġekters fl-uffiċċju tagħna fi Stokkolma sabiex jiġu manifatturati viżiera protettivi għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa.
Personalment, inħossni xxurtjat ħafna. Ħadd qrib tiegħi ma marad bil-COVID-19.
Nista’ naħdem mid-dar daqstant tajjeb milli naħdem fl-uffiċċju. Nista’ nisma’ wħud mill-ġirien jargumentaw fil-bini tiegħi, u dan iġiegħlni naħseb dwar dawk inqas ixxurtjati waqt dan il-lockdown – nies li tilfu l-impjieg tagħhom, tfal li ma marrux skola jew li ma kilux ikla mill-iskola għal żmien twil, familji li jgħixu f’appartamenti żgħar bi ftit li xejn spazju għal xogħol jew għal homework.
Iżda nħoss in-nuqqas ta’ familti, speċjalment il-ġenituri tiegħi, li huma anzjani. Nimmissja l-affarijiet ordinarji bħal li niltaqa’ ma’ ħafna nies fl-istess ħin. U naturalment inħoss in-nuqqas tal-uffiċċju u tal-kollegi tiegħi.
Minkejja dan l-uġigħ, telf u tfixkil kollu, nemmen li l-COVID-19 qed joffrielna xi tagħlimiet. Fuq kollox, naħseb li qed jgħallimna naċċettaw l-inċertezza. Aħna mdorrijin ħafna li nistgħu nippjanaw ħajjitna, iżda l-pandemija, speċjalment fil-bidu, ġegħlitna nibdlu d-drawwiet tagħna. Issa żviluppajna abitudnijiet ġodda, iżda ma nafux għal kemm ħa jdum dan il-perjodu ta’ inċertezza.
Meta jintemm, l-ewwel ħaġa li nixtieq nagħmel hu li niltaqa’ mal-ġenituri u l-kunjati. Iltqajt magħhom f’park għal piknik bi tbegħid soċjali, iżda ninsab ħerqan li nqatta’ ħin magħhom fil-ħajja reali, bħalma konna nagħmlu fil-passat.